L-iskola sekondarja San Tumas More f’Santa Luċija hija magħrufa għall-produzzjonijiet teatrali tagħha, imtella’ mill-istudenti, bl-assistenza ta’ diversi għalliema.
Iżda għal snin twal, l-istudenti kellhom itellgħu dawn il-produzzjonijiet fl-iswali ta’ skejjel oħra.
Dan wara li l-iskola oriġinarjament kienet inbniet mingħajr sala.
Dan għal kuntrarju ta’ din is-sena, fejn l-istudenti, mhux biss se jkunu qed itellgħu produzzjoni fl-iskola, iżda wkoll se jkunu qed jagħmlu dan f’faċilitajiet state-of-the-art, li ġew inawgurati din is-sena, wara snin ta’ stennija.
L-Iljun Sultan huwa l-isem ta’ din il-produzzjoni, mill-pinna ta’ Trevor Zahra.
Żorna l-crew ta’ din il-produzzjoni, ftit mumenti qabel prestazzjoni li kienu se jagħtu, fejn ilkoll esprimew sens ta’ kburija, li qed itellgħu din il-produzzjoni mill-iskola tagħhom stess, u b’hekk ġie evitat l-iskariġġ.
“Tfisser ħafna għalina l-istudenti, mhux biss li nistgħu naħdmu fil-kumdità tal-iskola tagħna biss, imma anke huwa ta’ prestiġju għalina li qed nagħmlu biċċa xogħol bħal din, fl-iskola tagħna stess.”
“Mhux inħossni qisni qiegħed out of home, issa li għandna is-sala tagħna stess, inħossni aktar komdu, aktar ferħan u eċitat.”
“Issa li għandna s-sala tagħna, m’għandniex bżonn immorru fi skola oħra, u qabel minħabba li kien ikollna mmorru fi skola oħra, ma kienx ikollna ċans nagħmlu r-rehersals.”
“Wieħed mill-vantaġġi, apparti li ġejna familjari mal-palk, għandna aktar ħin, stajna nippreparaw aktar minn qabel.”