Illum filghodu il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru tal-Intern u s-sigurtá nazzjonali Carmelo Abela attendew għall-ewwel sessjoni ta’ preżentazzjoni tal-Prijoritajiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea quddiem il-kumitat LIBE – Kumitat għal-Libetajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.
- Preżentazzjoni tal-Ministru Owen Bonniċi
Il-Ministru Owen Bonniċi saħaq fuq l-importanza li niffinalizzaw id-diskussjonijiet li għaddejin fuq proposti leġiżlattivi pendenti fosthom l-EPPO.
Permezz ta’ din il-proposta se jkun qed jitwaqqaf Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bil-għan li jindirizza problema ta’ frodi kontra l-budget Ewropew b’mod aktar effiċjenti u permezz ta’ liġijiet komuni.
Dwar dan, matul din il-Presidenza, Malta se tkun qed torganizza konferenza nazzjonali. Waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija hija s-sigurtá. Għal dan il-għan Malta se tkun qed tara li d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tiġi addottata.
Fl-istess waqt se imexxu l-quddiem proposti sabiex niġġieldu kontra il-finanzjament ta’ organizzajonijiet involuti fit-terroriżmu. Dan permezz ta’ Direttiva għall-kriminalizzazjoni ta’ ħasil ta’ flus u Regolament propost dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ta’ konfiska tal-assi kriminali.
Barra minn hekk, il-Ministru saħaq li se nkomplu fuq il-passi tal-Presidenza Slovakka u se nkomplu d-djalogu dwar ir-“Rule of Law” fil-Kunsill Ewropew sabiex insaħħu u nipprotteġu dan il-kunċett. Il-Ministru Bonnici spjega kif Malta se tkompli taħdem fuq il-ftehim sabiex, ladarba jintlaħqu il-kriterji stabbiliti, safar lejn Kosovo, Turkija u Ukrajna ikun jista’ jsir mingħajr ħtiega ta’ visa Il-Ministru Bonnici temm jgħid li minkejja li din l-aġenda mhix waħda faċli huwa konvint li nistgħu nagħmlu progress għall-benefiċċju taċ-ċittadin, tan-negozju u tas-soċjetajiet tagħna. Malta se tkun qed isservi ta’ pont li jgħaqqad sabiex nilħqu il-miri fil-prijoritajiet tagħna filwaqt li naħdmu fil-qrib mal-Parlament Ewropew.
- Preżentazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela
Matul l-aħħar sittin sena, l-Ewropa kienet meqjusa bħala xempju ta’ tama, prosperità, żvilupp u paċi. Din il-kisba kbira kienet riżultat tal-viżjoni tal-pijunieri tal-proġett Ewropew, fi żmien meta ħafna oħrajn kienu xettiċi dwar kemm nistgħu nirnexxu u jekk nistgħux naħdmu flimkien.
Fil-preżentazzjoni tiegħu l-Ministru Carmelo Abela spjega li fis-sittin anniversarju tal-proġett Ewropew, imiss lilna, Malta, l-iżgħar Stat Membru, il-privileġġ u l-opportunità li nippresjedu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
“Dan huwa ż-żmien fejn fih irridu, flimkien, nieħdu kont tal-aħħar sittin sena. Ilkoll għandna dmir li nipproteġu dak li ksibna sal-lum, u nikkomunikaw il-benefiċċji ta’ dan il-proġett liċ-ċittadini tagħna. Benefiċċji li xi kultant jintesew. Din hija wkoll opportunità tajba biex inħarsu ‘l quddiem. L-Ewropa għandha bżonn momentum ġdid, u żviluppi riċenti madwar l-Unjoni urew b’mod ċar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun aktar viċin il-popli tagħha, u li tikkomunika b’mod effettiv il-miżuri importanti li qed tieħu biex tipprovdi opportunitajiet aħjar għaċ-ċittadini tagħha li jagħtuhom iċ-ċans jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jirnexxu fihom.”
Il-Ministru qal li l-avvenimenti politiċi li esperjenzajna s-sena l-oħra ħallew marka fuq il-pajjiżi kollha u li l-bżonn ta’ riforma qatt ma kien daqshekk urġenti u l-għajta biex inkunu viċin in-nies qatt ma kienet daqshekk ċara. L-avvenimenti tas-sena l-oħra ċaqilqu l-pedamenti tal-proġett Ewropew, kif nafuh.
Huwa elenka li Malta hija determinata li tagħti l-kontribut validu tagħha għall-proġett Ewropew. Naspiraw li matul il-Presidenza, permezz tal-ħidma tagħna fil-Kunsill, u tal-ħidma magħkom fil-Parlament Ewropew, l-Unjoni Ewropea toħroġ aktar b’saħħitha.
“Nafu li sitt xhur huwa perjodu qasir ħafna. Madankollu, ninsabu ambizzjużi li nikkontribwixxu biex immexxu l-proġett ‘il quddiem u nagħmluh aktar kredibbli. Nafu x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna. Imma nafu wkoll x’inhi s-saħħa tagħna. Se nkunu qed naħdmu mal-Parlament Ewropew fi spirtu ta’ kollaborazzjoni u onestà.”
Il-Ministru Carmelo Abela spjega li l-fatt li għandna l-Prim Ministru, id-Deputat Prim Ministru, il-Ministru tal-Finanzi u l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kollha servew bħala Membri tal-Parlament Ewropew, iwassal biex żgur pajjiżna jifhem l-importanza li għandu l-Parlament Ewropew.
Fil-preżentazzjoni huwa saħaq li Malta hija kburija li qed tassummi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proprju f’dan il-mument u li l-prinċipju ewlieni li se jiggwida l- Presidenza huwa li nġibu momentum frisk u ġdid fix-xogħol li jġib liċ-ċittadini Ewropej iktar viċin xulxin, bħala konsumaturi, kif ukoll bħala nies li joħolqu l-ġid u stakeholders.
“Huwa proprju għalhekk li identifikajna s-sitt prijoritajiet tal-Immigrazzjoni; is-Sigurtà; is-Suq Uniku; il-Politika tal-Viċinat; l-Inklużjoni Soċjali; u l-Affarijiet Marittimi, għaliex ġenwinament nemmnu li l-popli tagħna għandhom tħassib leġittimu li jrid jinstema.”
Il-Ministru spjega ukoll fid-dettall il-prijoritajiet dwar is-setturi li jaħdem fuqhom il-kumitat tal-LIBE.