Għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol fuq il-wegħda elettorali ta’ pixxina ta’ daqs Olimpiku f’Bormla. Din se tkun l-ewwel pixxina indoor f’Malta u se tkun mgħammra bl-aħħar teknoloġija grazzi għal investiment ta’ erbatax-il miljun ewro.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Clifton Grima, li taħtu jaqa’ l-portafoll tal-Isport, spjega li dan il-kumpless sportiv se jikkumplimenta dawk il-faċilitajiet diġà eżistenti iżda dan l-investiment mistenni jattira wkoll lejn pajjiżna aktar turiżmu sportiv.
Il-Ministru Grima qal li dan il-proġett kien imnebbaħ minn diskussjonijiet ma’ assoċjazzjonijiet u atleti Maltin.
“Rajna li kellna nuqqas ta’ faċilitajiet indoor ġewwa pajjiżna, li allura kien qed ikun ta’ żvantaġġ għal atleti Maltin, meta ġew biex jikkompetu f’kompetizzjonijiet internazzjonali f’faċilitajiet li huma tal-istess portata.”
Dan il-proġett ta’ pixxina state-of-the-art fil-qalba tal-Kottonera se jkun amministrat minn Sport Malta. Il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-entità, Mark Cutajar, ta rendikont ta’ fiex waslu x-xogħlijiet fuq dan il-kumpless.
“Nistgħu ngħidu li l-pixxina, il-banju tal-pixxina, għandu kollox lest issa. Għad jonqos biss il-qiegħ, il-qiegħ li huwa wieħed li jitla’ u jinżel, allura jkollok qiegħ innovattiv ħafna. Barra minn hekk, qed isir xogħol tal-M&Es, jiġifieri d-dawl, l-arja kkundizzjonata fid-dressing rooms kollha, sew fil-pjan li qegħdin issa u anki fil-pjan l-ieħor. Twaħħal il-pilastru tal-ħadid fuq in-naħa u oħra tal-pixxina, is-saqaf huwa lest.”
Mark Cutajar qalilna li din il-pixxina mistennija tibda titgawda mill-ewwel nofs ta’ din is-sena minn diversi atleti ta’ dixxiplini differenti.
“Hawnhekk se jintuża wkoll mill-waterpolo, mill-artistic swimming, li għandhom ukoll għoli ta’ 2.1 adjustable u li jistgħu jaħdmu ħafna għax id-dawra tal-pool jistgħu jaraw ukoll l-iżbalji li jagħmlu, allura se jkun qed jintuża mill-isport akkwatiku wkoll.”
Dan il-kumpless, li jinsab imdawwar minn diversi skejjel, se jitgawda wkoll minn studenti żgħar biex jintroduċu ruħhom ma’ dixxiplini akwatiċi.
“Hawnhekk qed inġibu l-pixxina ġo nofs dawn l-iskejjel kollha; tfisser li diġà għandna kuntatti mal-iskejjel kollha privati, tal-Knisja, u tal-Gvern sabiex jiġu jużaw il-pixxina filgħodu, u tfisser li inti qed tinvesti f’aktar atleti.”
Din il-faċilità f’Bormla għandha wkoll l-ispazju għal erba’ mitt spettatur, dressing rooms, uffiċini, u kmamar ta’ kontroll, fost l-oħrajn.