Rachel Grech, l-infermiera li kienet l-ewwel persuna f’Malta li tlaqqmet kontra l-Covid-19, ħadet it-tieni doża tal-vaċċin tal-Pfizer, u issa hija kompletament imlaqqma kontra l-virus. Din ingħatatilha tliet ġimgħat eżatt wara li ħadet l-ewwel doża.
Meta kienet ħadet l-ewwel doża Grech kienet għaddiet messaġġ ta’ tama lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha u appellat biex kulħadd isegwi l-eżempju u jieħu l-vaċċin kontra l-Covid-19.
Bit-tilqima tat-tieni doża ta’ Rachel Grech ifisser li n-nies li diġà ħadu l-ewwel doża se jibdew jieħu t-tieni waħda dalwaqt hekk kif Malta qed tlaqqam iżjed nies.
Fil-fatt informazzjoni li ħarġet turi lil Malta fit-tieni post, wara d-Danimarka fl-akbar ammont ta’ nies li diġà tlaqqmu kontra l-Covid-19.
Sa għada Malta mistennija tilħaq kważi t-tripplu tal-medja Ewropea fit-tilqim.
Dan hekk kif filwaqt li l-medja Ewropea hija wieħed fil-mija tal-popolazzjoni, sa għada Malta se tkun diġà laqqmet tnejn punt sebgħa fil-mija tal-popolazzjoni.
Intant, filmati juru kif il-proċess ta’ tilqim qed isir b’mod kajman u organizzat hekk kif barra numru ta’ ċentri tas-saħħa madwar pajjiżna tul il-jum tal-Ħadd, ma kienx hemm anzjani jistennew biex jitlaqqmu, iżda qraba li baqgħu jistennew barra waqt l-appuntament. F’xi waqtiet dehru wkoll ħaddiema taċ-ċentri tas-saħħa li ħarġu għall-anzjani li jkun imisshom it-tilqima, u jeskortawhom huma fil-klinika.
Fl-ebda mument ma jidher li kien hemm kjuwijiet.
Ritratt: OPM