L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta bdiet tibni l-pedamenti tal-ewwel frequency converter station, li hu parti mill-Grand Harbour Clean Air Project li se jnaqqas 90% tat-tniġġis tal-arja fil-Port il-Kbir.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg spjega li l-istazzjon li qed jinbena bħalissa huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta u fost l-ewwel fid-dinja, li se jikkonverti l-elettriku għall-frekwenzi li għandhom bżonn il-vapuri fil-port.
Dan apparti wkoll li se jkun mgħammar ukoll tagħmir ta’ kontroll u protezzjoni.
Il-Ministru Borg stqarr: “Issa ħa fażi ġdida fejn qed nibnu l-istazzjonijiet li se jikkonvertu l-elettriku li jkollu bżonn il-bastiment. Dan fadalli ftit tax-xhur, iżda ladarba nlestuh, se nkunu fost l-ewwel portijiet Ewropej li noffru din it-teknoloġija lil min iżur il-port tagħna.”
L-istazzjon qed jinbena ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb fil-Marsa, u ġie iddisinjat b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-wirt storiku biex jonora l-ambjent tal-Port il-Kbir. Bħala parti mill-istess proġett ukoll, se jinbena stazzjon iżgħar f’Boiler Wharf fl-Isla, u strutturi fix-Xatt ta’ Pinto fejn il-vapuri tal-passiġġieri jkunu jistgħu jieħdu l-elettriku li għandhom bżonn.
Il-proġett qed isir b’investiment ta’ kważi ħamsin miljun ewro, parti minnhom ġejjin minn Fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal, “Dan il-proġett qed jibbenefika minn €22 miljun li ġew mill-faċilità ta’ Connecting Europe. Jien inqisu proġett infrastrutturali u anke ambjentali għaliex bih se nnaqsu l-emmissjonijiet u se jkollna kwalità ta’ arja aħjar fiż-żona tal-portijiet”.
Grazzi wkoll għal dan il-proġett, f’temp ta’ 20 sena Malta se tkun iffrankat sa €375 miljun fi spejjeż ikkawżati mit-tniġġis fl-arja.