L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta daħal fi sħubija strateġika mas-SITA, organizzazzjoni li tispeċjalizza fis-sistemi tal-IT fis-settur tal-avjazzjoni. Din is-sħubija hija mmirata li tagħti spinta lil operat tal-ajruport sabiex dan jilħaq livelli ogħla ta’ eċċellenza u, b’hekk, isir pijunier fit-teknoloġija flindustrija tal-avjazzjoni.
Din is-sħubija ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016 u ser tippermetti lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jiffoka fuq l-investiment strateġiku u l-innovazzjoni, filwaqt li s-SITA tiffoka fuq l-operat tal-ICT tal-ajruport minn jum għal jum. Dan il-ftehim ta’ sħubija ser jidħol fis-seħħ ftit xhur qabel tibda l-ewwel fażi ta’ investiment sostanzjali fit-Terminal tal-ajruport, u dan mhux b’kumbinazzjoni.
Fis-settur tal-avjazzjoni, l-investiment fl-infrastruttura tal-ajruport u fl-ICT huwa kkunsidrat bħala t-triq ’il quddiem sabiex l-ajruporti jkunu lesti għall-futur, speċjalment għaż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri li qed jilqgħu u l-isfidi addizzjonali li din iġġib magħha.
Alan Borg, is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta irrikonoxxa li l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ICT huwa kruċjali għat-tkabbir futur.