Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali jħabbar li twaqqaf bord ta’ esperti għal programmi speċjalizzati ta’ akkomodazzjoni (specialised housing programmes) fi ħdan l-Awtorità tad-Djar.
Dan qed isir biex proġetti ta’ housing speċjalizzati ikkordinati minn NGOs li jipprovdu servizz mingħajr profitt jiġu appoġġjati bi gwidi ċari ta’ best practices, u għajnuniet oħra, fosthom għotjiet finanzjarji jew allokazzjonijiet ta’ spazji adekwati. Dan se jsir skont il-prijoritajiet li se jiġu stabbiliti mill-membri ta’ dan il-bord.
Fil-preżent diġà jeżistu inizjattivi ta’ housing speċjalizzat favur membri vulnerabbli tas-soċjetà, fosthom għal nies bi sfidi ta’ saħħa mentali, nies li ħarġu minn faċilitajiet korrettivi, u nies fi bżonn ta’ sheltered housing fost oħrajn. Permezz ta’ dan il-bord u l-fondi allokati, il-viżjoni tal-gvern hi li jsaħħaħ il-ħidma eżistenti li qed jagħmlu bosta NGOs, u jinċentiva inizjattivi ġodda.
“Ċertu problemi ma jissolvux billi tagħti post u tagħlaq il-bieb. Qed inħarsu lejn il-housingb’mod aktar ħolistiku u b’dawn il-programmi nindirizzaw sfidi soċjali li jkollhom bżonn għajnuna speċjalizzata,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.
Hu żied jgħid li b’din il-miżura tal-Budget 2019 se tibda titwettaq il-viżjoni ġdida ta’ dan il-gvern biex jgħin b’modi aktar effettivi dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna biex jimxu ’l quddiem.
Il-bord ta’ esperti se jkun immexxi minn Rachael Scicluna, u se jiltaqa’ għall-ewwel darba aktar tard din il-ġimgħa.