Il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer ħabbar li l-kumpanija Universal kienet għadha kemm iffinalizzat ftehim sabiex tiftaħ l-ewwel theme park tagħha fl-Ewropa f’Bedford l-Ingilterra.
Din l-attrazzjoni kbira mistennija tibda topera għall-pubbliku sal-2031 u qed tiġi milqugħa mill-gvern Ingliż bħala opportunità li ħa toħloq opportunitajiet ta’ xogħol u tkabbar l-ekonomija fir-reġjun hekk kif mistennija tilqa’ mat-tmien miljun u nofs viżitatur. Starmer qal li dan kien il-pjan tal-gvern għall-bidla bl-azzjoni fejn qed ilaqqgħu t-tkabbir lokali ma’ dak nazzjonali fejn mistennija jinħolqu madwar 28,000 impjieg f’setturi tal-kostruzzjoni, AI u turiżmu fost oħrajn.
Il-gvern Ingliż sostna li l-proġett se jkun qed jippompja 50 biljun sterlina fl-ekonomija Ingliża.
Is-sit ta’ dan il-proġett multi biljunarju jinsab 50 mil fit-Tramuntana ta’ Londra u kien iservi bħala lok għal xogħol tal-briks fl-eks Kempston Hardwick brickworks u jkopri 467 tomna ta’ art. Il-park se jifforma parti minn kumpless li se jinkorpora lukanda ta’ 500 sodda kif ukoll kumpless tax-xiri, ristoranti u divertiment.
Filwaqt li għadu kmieni biex wieħed jelenka fiex se jikkonsistu l-attrazzjonijiet, Universal qalu li fil-park li fetħu riċentament f’Beijing l-aktar popolari hemm dik bit-tema tal-Minions ‘Loop-Dee Doop-Dee’, it-’Transformers Megabase Decepticoaster’ u l-’Kung Fu Panda Land of Awesomeness’.
S’issa dan il-proġett enormi għad m’għandux il-permessi tal-ippjanar u issa wieħed qed jistenna li l-gvern Ingliż iżomm il-wegħda tiegħu li jgħaġġel il-permessi ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni maġġuri billi jirriduċi l-iskop ta’ sfidi legali. Madankollu, dan il-proġett għandu l-approvazzjoni tal-mexxejja tal-gvern lokali.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, is-Segretarju tat-Trasport approva l-espansjoni maġġuri fl-ajruport qrib ta’ Luton kontra s-suġġerimenti tal-inspectors tal-ippjanar li kienu ivvutaw kontra l-proġett b’argumenti dwar il-ħsara ambjentali hekk kif l-ammont ta’ passiġġieri mistenni jirdoppja għal 32 miljun sal-2043.