’Il barra mill-bajja tax-Xlendi, f’Għawdex, ġie inawgurat l-ewwel park arkeoloġiku f’baħar fond fid-dinja.
Dan il-post ġie ddikjarat bħala Żona Arkeoloġika fil-Baħar fl-2020 u jkopri medda rettangolari ta’ siwi arkeoloġiku sinifikanti b’daqs ta’ sebgħa u sittin elf metru kwadru (67,000m²).
Il-fond tal-baħar fejn hemm il-park ivarja bejn 105 metri u 115-il metru u fih wieħed isib ramel fin u sikek bi qroll li llum hu estint.
Minkejja li l-fond, li fih jinsab dan il-park, jagħmlu aċċessibbli biss għal għaddasa tekniċi, Heritage Malta se tkun qed twassal dak li hemm mistur f’qiegħ il-baħar lil udjenzi speċjalizzati u l-pubbliku inġenerali.
Madwar is-sikek wieħed jista’ jara ġemgħat ta’ oġġetti arkeoloġiċi, l-aktar anfori. Aktarx li hemm aktar fdalijiet arkeoloġiċi midfunin fir-ramel, meta wieħed iqis is-sediment li jinġarr kontinwament mill-wied tax-Xlendi kif ukoll il-preżenza ta’ oġġetti parzjalment midfunin.
Il-park, sponsorjat mill-Fondazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hu l-frott ta’ sforz kollaborattiv bejn it-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, l-Università ta’ Malta u l-Kunsill Lokali tal-Munxar.
Il-Professur Timmy Gambin, li jmexxi t-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, semma kif fix-Xlendi ilha tintuża teknoloġija innovattiva ta’ taħt il-baħar sa minn tmiem is-snin 50 tas-seklu l-ieħor.
Timmy Gambin qal “Dan huwa sit uniku, l-ewwelnett għax jinstab taħt il-baħar, jinstab f’fond kbir ta’ bejn mija u ħamsa u mija u sittax-il metru, però wasalna biex niftħu dan il-park għall-pubbliku”.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li permezz ta dan il-park, ir-riċerkaturi u l-bugħaddasa tekniċi mid-dinja kollha jistgħu jesploraw l-Istorja ta’ Malta mill-perspettiva differenti.
Il-Ministru Owen Bonnici qal “Għal darb’oħra qed nippożizzjonaw lil pajjiżna bħala post li joffri l-aħjar attrazzjonijiet turistiċi kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti li qed iżuruna.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ewwel park arkeoloġiku fil-fond tal-baħar qed jitnieda fil-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Clint Camilleri qal “Il-park huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu, f’dak li għandu x’jaqsam taħt il-baħar, fid-dinja. Huwa park li ħa jkun qiegħed jattira numru ta’ għaddasa tekniċi però ħsibna wkoll għall-pubbliku inġenerali biex ikollu din l-esperjenza unika permezz tat-teknoloġija.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Ajruport ta’ Malta, Josef Formosa Gauci, qal li d-deċiżjoni tal-fondazzjoni li tappoġġja dan il-proġett kienet waħda faċli, għax il-wirt ta’ taħt il-baħar hu parti integrali mill-prodott turistiku tal-Gżejjer Maltin kif ukoll mill-identità tagħna.
Damien Spiteri, is-Sindku tal-Munxar, qal li inizjattivi bħal dawn joffru dimensjoni unika tal-wirt kulturali u storiku li jinsab fix-Xlendi u l-promozzjoni tal-istorja rikka tiegħu.