Fuq il-palk tat-Teatru Manoel qed tittella’ l-opra annwali wara nuqqas ta’ sena.
Din is-sena dawk li se jmorru t-teatru se jsegwu l-opra Barokka Ingliża Dido & Aeneas li tibda b’xeni tar-Reġina ta’ Kartaġni li tilqa’ l-Prinċep ta’ Troja Aeneas.
Jum qabel l-ewwel wirja l-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit spjegalna li din l-opra qed tittella’ frott l-isforz kollettiv ta’ numru ta’ persuni li jaħdmu minn wara l-kwinti biex dawk li jħobbu t-teatru jkollhom programm varjat.
Zammit spjega: “Ta’ min insemmi wkoll li aħna bqajna għaddejjin bil-programm tagħna, wara l-opra se jkollna diversi rappreżentazzjonijiet, tista’ tgħid kull tmiem il-ġimgħa ġewwa t-Teatru ħa jkun hawn xi ħaġa. B’hekk nippromwovu u nħaddmu l-artisti tagħna kif ukoll ikun hawn varjetà għall-udjenzi tagħna.”
Din l-opra, li se jkollha wkoll viżwali kontemporanji, tlaqqa’ flimkien żewġ programmi tat-Teatru Manoel, il-Valletta International Baroque Ensemble kif ukoll il-proġett ta’ Monteverdi, b’artisti u mużiċisti Maltin.
Is-Surmast Marco Mencoboni jinsab entużjast sabiex din l-opra titgawda wkoll minn udjenza lokali.
Huwa qalilna,“Meeting the two projects for this opera Dido & Aeneas is a kind of explosion of beauty and is a kind of miracle that after three/ four years of work, also thanks to COVID because this is a unique experience just for Maltese singers and Maltese musicians we can produce this fantastic opera.”
Dan l-opra ta’ siegħa se tkun l-ewwel waħda mindu t-Teatru kellu jbiddel l-ħidma tiegħu minħabba l-imxija.
Għalhekk bil-miżuri tad-distanza soċjali u kostumi mfassla mid-disinjatur Malti Luke Azzopardi, wieħed għandu jgawdi opra sabiħa b’mod sigur.