L-ekonomija Maltija qed tkompli tikber u l-ġid nazzjonali saħansitra jiżboq dak ta’ qabel żmien il-pandemija.
Fl-ewwel mitt jum mindu Robert Abela ngħata l-ewwel mandat mill-poplu, l-ekonomija Maltija kompliet tirċievi ċertifikati eċċellenti.
Aġenziji internazzjonali ta’ kreditu bħal Fitch u DBRS ilkoll taw rating ta’ A u anki A+ lill-ekonomija Maltija.
L-esperti ta’ dawn l-aġenziji, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, ilkoll innutaw ir-reżiljenza ekonomika u issa l-irkupru qawwi mill-pandemija.
Saħansitra l-Kummissjoni Ewropea nnutat kif pajjiżna se jkollu t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Quddiem ir-realtà tal-għoli tal-ħajja riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna, il-Prim Ministru waqt kampanja elettorali iżda anki wara baqa’ jisħaq li l-piżijiet ma għandhomx jinxteħtu fuq il-poplu.
“Kellna għażliet importanti dakinhar jew li nagħmlu kif għamlu ta’ qabilna fl-2008 fejn fi kriżi ekonomika ferm iċken xeħtu l-piż fuq in-nies. Min seta’ jerfa’ l-piż, min felħu refgħu, min ma felħux għotor. U rajna x’ġara b’din it-tip ta’ politika tas-sikkar taċ-ċintorin. Kellek żmien fejn il-qgħad spara ’l fuq. Domna sal-2016 biex niżżilnih il-qgħad erġajna. Kellek ekonomija li friżat u l-pajjiż bata l-konsegwenzi u l-għażla awtomatika insejħilha jien li ħadna f’Marzu tal-2020 kienet li ninvestu fin-nies, ninvestu fin-negozji tagħna, li nipproteġu s-saħħa tan-nies. Dak li għamilna. U għalhekk li l-għażla tallum, tas-26 ta’ Marzu hija ta’ importanza akbar.”
Quddiem politika li tinċentiva, anki fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid, li kiseb l-akbar mandat b’saħħtu fl-istorja elettorali ta’ Malta indipendenti, il-Prim Ministru kompla jistimula fiduċja li raha b’għajnejh meta anki ltaqa’ man-negozji.
Illum il-qgħad jinsab fl-inqas livell fl-istorja, taħt l-elf persuna.
Dan anki frott l-għajnuniet waqt pandemija, bħall-Wage Supplement iżda anki f’dawn l-ewwel mitt jum, quddiem sfidi kurrenti, il-Gvern baqa’ jwieżen u jintervjeni fejn hu possibbli.
Bħal żamm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli.
Fil-fatt il-prezz tal-fjuwil f’pajjiżna huwa fost l-orħos fl-Ewropa u saħansitra l-Maltin u l-Għawdxin iħallsu kważi n-nofs tal-prezz tal-fjuwil f’pajjiżi ġirien.
Dan apparti ftehim mal-importaturi tal-qmuħ u għajnuna lill-bdiewa u r-raħħala fuq il-ġwież.