It-Tnejn waranofsinhar iż-żagħżugħa Għawdxija Lara Calleja kisbet l-ewwel midalja għal Għawdex, waħda tal-fidda, fil-Women’s Sport Trap Competition. B’67 punt hi kklassifikat fit-tieni post.
L-International Island Games, li ilhom li jiġu organizzati mill-1985, fetħu uffiċjalment nhar is-Sibt li għadda f’St Peter’s Port, f’Guernsey fiċ-Channel Islands, li qed jorganizzawhom għat-tielet darba. F’din l-edizzjoni, li hi d-19-il darba, atleti Għawdxin qed jieħdu sehem għall-ewwel darba.
Madwar 2,200 atleta minn 24 gżira minn madwar id-dinja qed jikkompetu f’dan il-logħob f’diversi dixxiplini, waqt li l-kontinġent Għawdxi ta’ 40 atleta qed jirrappreżentaw lill-gżira f’7 minn dawn id-dixxiplini.
Fuq il-midja soċjali, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri feraħ lit-tiratriċi żagħżugħa Lara Calleja u ddeskriva dan il-mument bħala wieħed storiku.