Fl-ewwel ta’ Mejju se jkun qed isir l-ewwel mass meeting politiku fi Pjazza Tritoni wara li ngħatat dehra ġdida. “Din is-sena l-Partit Laburista għażel waħda mill-isbaħ fetħiet li issa sar għandna f’pajjiżna biex jiċċelebra dan il-jum importanti għalih,” qal mal gazzetta KullĦadd, William Lewis, is-Segretarju Organizzativ tal-Partit Laburista.
Kien il-Prim Ministru, Joseph Muscat, li nhar il-Ħadd li għadda tkellem dwar kif wara l-Għid il-Gvern għandu programm ta’ riformi u bidliet li jrid jaħdem fuqhom. Filwaqt li semma l-ewwel ta’ Mejju bħala l-jum fejn il-poplu għandu jinġabar biex jibgħat sinjal li pajjiżna qed jitħejja għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Fl-aħħar snin l-attività tal-ewwel ta’ Mejju reġgħet ħadet saħħa kbira bi Pjazza Kastilja tara folol ta’ eluf kbar ta’ persuni li nġabru biex jiċċelebraw u jisimgħu l-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista. “Din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni. Qed nistiednu lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha biex jinġabru għal dik li se tkun festa oħra kbira ta’ pożittività. Bħala pajjiż għandna x’niċċelebraw u m’hemmx okkażjoni aħjar minn din. Anke għax kif jgħid il-Prim Ministru, minn żmien għal żmien, il-kisbiet ta’ Malta huma frott il-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin,” kompla jgħid il-Perit Lewis.
L-għażla ta’ Pjazza Tritoni toffri ċans għal xi ħaġa differenti fejn l-attivitajiet mistennija jibdew minn kmieni wara nofsinhar inkluż fi bnadi oħra tal-Belt. “Dettalji jitħabbru iktar tard. Però żgur li se jkun hemm skop għaliex wieħed għandu jkun il-Belt,” temm jgħid il-Perit Lewis li qal li iktar dettalji jitħabbru fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin.
L-ewwel ta’ Mejju se jaħbat ukoll sena minn meta Joseph Muscat ħabbar l-elezzjoni ġenerali li saret fit-tlieta ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet. Dakinhar Joseph Muscat kien talab lil Maltin jgħidu jekk iridux ikomplu t-triq miegħu jew inkella jieqfu f’nofsha. Dakinhar għażlu li jkomplu. Għażla li fl-ewwel ta’ Mejju li ġej jistgħu jerġgħu juruha bil-preżenza tagħhom.