Il-plejer Maltija tal-futbol Sara Saliba, għadha kemm iffirmat kuntratt mat-tim prestiġjuż Taljan ta’ AC Milan. B’hekk Saliba, li fl-istaġun li għadda lagħbet mat-tim femminili ta’ Birkirkara FC, se tkun l-ewwel Maltija li qatt iffirmat ma’ dan il-klabb rinomat madwar id-dinja.
F’post fuq il-midja soċjali tal-Milan Club Malta 1979 ġie żvelat li dan il-kuntratt se jkopri perjodu ta’ sentejn.
Saliba, li għad għandha biss sbatax il-sena u tilgħab fir-rwol ta’ midfielder u attakkant, ukoll tifforma parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-dsatax-il sena.
Analisti tal-futbol lokali jqisu liż-żagħżugħa bħala waħda mill-plejers promettenti, fejn maż-żmien żiedet fil-ħila tagħha f’dan l-isport.
Saliba ssegwi fil-passi ta’ Haley Bugeja, li s-sena l-oħra ngħaqdet mat-tim l-ieħor ukoll famuż minn Milan, Inter, u qed tikseb suċċess kbir.