Minn dar ta’ kavallier fl-ordni ta’ San Ġwann għal waħda li tilqa’ lin-nies biex joqgħodu fi kmamar lussużi bil-jacuzzi jew saħansitra bis-sauna.
Din hija l-ewwel lukanda ta’ ħames stilel fil-Belt Valletta li nfetħet uffiċjalment f’lejla kkulurita.
Rosselli, boutique hotel oħra fil-Belt kienet binja li ħadet isimha mill-Kavallier Pietro Rosselli u ma jispikkax biss il-lussu li hemm ġo fiha iżda anki l-faċċata li tilqgħek minn barra.
Waqt il-ftuħ uffiċjali mill-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chairman tal-grupp AX Anġlu Xuereb li żviluppa din il-lukanda saħaq li sar investiment ta’ ħmistax-il miljun ewro għal ħamsa u għoxrin kamra li kollha joffru esperjenza differenti.
“Filfatt għandna 25 suite hawn li jfissru 36% tal-area li għandna hawnhekk bħala footprint, jiġifieri għandek 64% li huwa open space u qed nitkellmu ġol-Belt. Jiġifieri kuntenti ħafna bil-prodott.” Stqarr l-intraprenditur Anġlu Xuereb.
Bint Angelo Xuereb, Claire spjegat kif fi ftit sigħat mindu din il-lukanda fetħet il-bibien diġà tniżżlet fil-lista ta’ waħda mill-aktar seba’ lukandi lussużi fl-Ewropa li għandhom ħamsa u għoxrin kamra jew anqas.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif is-settur privat qed jinvesti aktar u min-naħa tiegħu l-Gvern irid jara li jkun hemm infrastruttura b’saħħitha għas-settur turistiku.
Qal li b’dan ma jfissirx biss l-investiment fit-toroq iżda anki kumpaniji bħall-Air Malta li hija parti mill-infrastruttura turistika ta’ dan il-pajjiż.
Tkellem ukoll is-Sindku Belti li fisser kif ir-riġenerazzjoni tal-Belt qed twassal biex fil-kapitali jiġu attirati mhux biss in-numri ta’ turisti iżda anki dawk ta’ kwalità.