Ilbieraħ il-Prim Ministru kixef aktar ipokrezija tal-Oppożizzjoni, mhux għax kellu jagħmel xi sforz kbir ħafna, għax hija xi ħaġa evidenti daqs kemm huma evidenti s-siġar fil-ġonna.
Waqt id-dibattitu fuq mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni kontra l-investiment tal-Università Amerikana f’Malta, l-istess mozzjonijiet u kampanji kif għamlet fil-każ tal-investiment tal-Power Station, l-investiment tal-Enemalta, il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u kull investiment li ta jew seta’ jagħti tefa’ oħra ‘l quddiem l-ekonomija ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru żvela kif l-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil issa daħal jgħallem l-Università ta’ Malta. Daħal jgħallem il-liġi Ewropea.
Minkejja li huwa l-kelliem tal-Good Governance, minkejja li qażżeż lil kulħadd jattakka lil dak u l-ieħor għax skontu trid timxi bil-meritokrazija, trid timxi fuq sett ta’ regoli, huwa daħal jgħallem mingħajr sejħa pubblika.Għax l-importanti għal Simon Busuttil li tkun Nazzjonalist. Hemmhekk jinsa d-diskors kollu li qal. Kemm hu ipokrita!
Biex wieħed ikompli jżid l-element ta’ ipokrezija grassa, l-istess Busuttil kien hu li tellaq diskussjoni sħiħa kontra l-Università Amerikana f’Malta u fost il-kritika li kien hemm kien hemm dik li l-Gvern b’xi mod intervjena biex toħroġ il-liċenzja. Il-fatt li huwa daħħal l-Università ta’ Malta, Università ffinanzjata minn Malta, turi kemm dan il-Gvern lanqas biss jindaħal fuq Università ffinanzjata minnu, aħseb u ara f’investiment privat!
Issa li daħal tajjeb li nagħtih parir ċkejken, għalkemm naf li mhux se jagħti każ. L-ewwel lezzjoni, jekk għadek ma għamiltiex, fakkar lill-istudenti li importanti li ma tigdibx għax fl-aħħar mill-aħħar tinqabad.
Jista’ jekk irid juża lilu nnifsu bħala eżempju prattiku.
- Qal li ħa d-direct orders b’meritokrazija u għax huwa kompetenti – u nqabad li ħa direct orders fuq irziezet tal-majjali u t-twaqqif ta’ wine bar;
- Qal li ħa inqas mill-minimum wage, imbagħad il-Qorti tikkonferma li l-kumpanija li hu wieħed mid-Diretturi tagħha ħadet aktar minn €3miljuni f’direct orders;
- Jgħid li jiġġieled il-korruzzjoni imbagħad għamel mandat lil Whistleblower fil-każ tar-raġel ta’ Giovanna Debono għax semmih fil-Qorti li ltaqa’ miegħu u flok ċanfru qallu kif bqajt għaddej meta kont taf li se nitilfu l-elezzjoni;
- Jitkellem fuq il-libell kriminali, imbagħad nies tiegħu stess jagħmlu l-libelli kriminali lill-ġurnalisti;
- Jgħid li hu nadif imbagħad joħroġ li kumpaniji privati kienu qed iħallsulu l-pagi;
…u l-lista tibqa’ sejra…
Bilħaqq… insejt l-isbaħ waħda…
Gideb fuq il-Prim Ministru qabel l-aħħar elezzjoni biex jipprova jidħol Kastilja, induna l-poplu u tah l-akbar telfa elettorali li qatt ġarrab partit politiku f’Malta…
Dr Busuttil waqt il-lectures almenu pprova kun sinċier.