Dalgħodu fl-Università l-Antika tal-Belt Valletta bdiet l-ewwel laqgħa pubblika dwar riforma tant meħtieġa fil-Qorti tal-Familja. Din il-laqgħa saret bil-għan biex il-Gvern jisma’ l-ħsibijiet tan-nies qabel jiġi mniedi d-dokument għall-konsultazzjoni pubblika.
Fost it-temi li ġew diskussi kienu fost oħrajn il-manteniment, l-aċċess u l-kustodja tat-tfal.
Il-Prim Ministru Robert Abela beda din id-diskussjoni bil-ħsieb li l-istil ta’ politika li jħaddan dan il-Gvern huwa li jilqa’ l-ħsibijiet tan-nies qabel ma wieħed iniedi l-konsultazzjoni pubblika.
Dan qalu fi sfond ta’ kif il-wegħda fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ dwar il-Qorti tal-Familja tiġbor fiha t-twemmin ta’ kif is-soċjetà tagħna għandu jkollha n-nukleu tagħha jdur mal-familja għaliex jekk għandek familja li qed tbati, għandek soċjetà li qed issofri.
Dr Abela saħaq li l-iktar domanda importanti li għandna nindirizzaw hija li t-tbatija fil-familji għandna nnaqsuh kemm jista’ jkun.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Abela spjega li l-proċess quddiem il-Qorti tal-familja għandu jinqasam bejn żewġ binarji differenti. Intqal li l-ewwel triq għandha tingħata lir-rikonċiljazzjoni u l-proċess ta’ medjazzjoni biex jekk hemm ċans li familja ssalva, dik l-opportunità tkun tista’ tingħata.
Dr Abela qal li sfortunatament hemm realtajiet fejn it-tama ta’ rikonċiljazzjoni ma tkunx possibbli u għalhekk waħda mid-diskussjonijiet f’din ir-riforma għandha tkun waħda biex twassal il-partijiet għal ftehim binarju.
Il-Prim Ministru tenna li statistiċi juru li l-mod ta’ rikonċiljazzjoni qed jaħdem però hemm bżonn iktar xogħol b’riformi li jaffiċilitaw il-proċess biex f’ħafna każijiiet ma jkunx hemm bżonn jitilgħu quddiem il-Qrati Maltin.
Ġie aċċennat ukoll li s-separazzjonijiet huma suġġetti delikati ħafna, u għalhekk l-għan tal-avukat f’dan il-qasam huwa li kemm jista’ jkun jirrikonċilja u jipprova jqarreb id-differenzi bejn il-persuni konċernati.
Preżenti waqt din il-laqgħa kien hemm il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal Micheal Falzon fejn għamlu l-interventi tagħhom.
Fil-fatt il-Ministru Jonathan Attard tenna li l-għan u l-intenzjoni ta’ din ir-riforma hija li jkollna qrati u proċess ġudizzjarju li jindirizza l-problemi tan-nies b’mod iktar effiċjenti.
Il-Ministru rrimarka li din ir-riforma hija bbażata fuq ir-realtajiet u l-istejjer tan-nies u elenka li f’dan il-qasam mgħandek la rebbieħ u lanqas tellief.
Enfasizza li din hija l-ewwel parti tar-riforma hekk kif qed jaraw kif ikollhom Qorti tal-familja speċjalizzata u waħda li ttik il-possibilità ta’ iktar sentenzi effettivi.
Finalment il-Ministru qal li hemm numru ta’ aspetti li ħallew il-frott tagħhom però rridu naħdmu iktar u dawk l-aspetti li qed joħolqu diffikultà irridu nindirizzawhom.
Sadanittant il-Ministru Micheal Falzon enfasizza l-intervent tiegħu dwar l-aspett soċjali u l-importanza tat-tfal.
Huwa tenna li f’dinja ideali ma jkollniex bżonn Qorti tal-familja però din mhijiex ir-realtà.
Fl-ambitù tad-diskussjoni, il-Ministru Falzon tenna li l-familja ma tistax tagħżila u l-iktar nies li jiġu affettwati minn dan huma t-tfal. Għalhekk hemm bżonn li l-interessi tat-tfal ikunu dejjem l-ewwel għaliex huma parti mis-soċjetà tal-lum.
Il-Ministru temm jgħid li bħala Gvern nemmnu verament fil-valur tal-familja.