Għaddejjin it-tħejjijiet biex nhar il-Ġimgħa, sbatax ta’ Diċembru, fil-villaġġ tal-Milied fil-Marsa bit-tema “Christmas Under The Bridge”, jittella’ kunċert organizzat mill-banda tal-Pulizija.
L-Assistent Kummissarju Anthony Cassar, spjega li l-Banda tal-Pulizija ta’ Malta ilha mwaqqfa mill-elf disa’ mija u għoxrin u minn dak iż-żmien ’l hawn saru bosta kunċerti, inkluż barra minn Malta.
Iżda l-kunċert li se jsir fil-Marsa huwa speċjali ħafna għaliex huwa l-ewwel kunċert bis-sehem tal-Banda tal-Pulizija mindu faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna.
“Għandna preparamenti kbar għaliex ilna ma ndoqqu l-banda tal-Pulizija għal dawn l-aħħar sentejn minħabba l-Covid u għalina dan il-kunċert huwa ta’ ċertu importanza. Kunċert kbir bis-sehem tal-banda tal-Pulizija kollha, għandna madwar ħamsin membru u aħna nistiednu wkoll guest musicians magħna biex inkomplu ngħollu l-livell tal-banda u nkomplu nagħmluh aktar spettakolari.” 21
Il-villaġġ tal-Milied fil-Marsa, li se jibqa’ miftuħ sat-tletin ta’ Diċembru, joffri attivitajiet u atmosfera għall-familja kollha, u l-kunċert ta’ nhar il-Ġimgħa se jkompli jsebbaħ l-atmosfera.
L-Assistent Kummissarju, li jmexxi wkoll il-Banda tal-Pulizija, tana togħma ta’ dik mistenni fil-kunċert.
“Aħna ħa nkunu qed indoqqu mużika abbinata mal-Milied però għandna wkoll xi mużika oħra ta’ kompożituri kbar li ħa tattira l-poplu li ħa jkun hawnhekk. Magħna mhux se jkunu l-banda u guest musicians biss waħedna imma stedinna l-aqwa element ta’ kantanti fil-pajjiż.” 16
Fuq kollox, dan il-kunċert se jkollu wkoll għan nobbli għaliex se jitlob donazzjonijiet b’risq id-Dar tal-Providenza.
“L-attività hija nhar il-Ġimgħa, pitgħada, is-sbatax ta’ Diċembru. Tibda fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija u għandha madwar siegħa u nofs jew xi ftit iktar jiġifieri hawn programm sabiħ ħafna.” 10