Il-Malta Institute of Management (MIM), flimkien ma’ Maltapoint Ltd u Mediahut Soultions Ltd, se jkunu qed jorganizzaw l-ewwel edizzjoni tal-Konferenza Diġitali f’Malta, fil-25 ta’ Ġunju li ġej. Matulha se jiġu diskussi t-temi tal-intelliġenza artifiċjali u elementi diġitali oħrajn li kull ma jmur qed jaffettwaw il-mod kif noperaw u naħsbu.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li se jkun qed jindirizza l-konferenza, saħaq li “permezz ta’ din il-konferenza se nkunu verament qed nuru r-rwol ta’ Malta f’dan is-settur u kemm pajjiżna hu ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn. Il-kelliema barranin li se jkunu qed jiġu hu turija ċara li pajjiżna għadu jattira l-investiment fis-settur diġitali, settur li joffri karrieri ta’ kwalità lill-ħaddiema tagħna”.
L-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) kif ukoll TechMT, li l-għan tagħha hu li tkompli timbotta ’l quddiem dan is-settur fl-ekonomija tagħna, esprimew s-sodisfazzjon tagħhom li se tkun qed titlaqqa’ din il-konferenza u kkonfermaw il-parteċipazzjoni u s-sapport tagħhom bħala sponsors prinċipali.
Il-kelliema barranin jinkludu lil Sanchit Juneja, Direttur tal-Prodott minn booking.com, Peter Oakes minn FintechMalta.com u FintechUK.com u Saleem Qureshi minn Lincoln Method.
Se jiġu ttrattati l-intelliġenza artifiċjali fir-realtà li qed ngħixu fiha fuq livell internazzjonali u anke dak lokali, fejn wasal pajjiżna fil-qafas legali u x’qed jgħidu l-akkademiċi. Temi oħrajn huma l-ekonomija l-ħadra, l-innovazzjoni diġitali, ir-riċerka li għaddejja f’dan il-qasam u anke r-rwol ta’ dan kollu fl-industrija u l-manifattura anke f’ Malta.
L-avveniment se jkun qed iseħħ fil-Lukanda Corithia San Ġorġ u wieħed jista’ jirreġistra fis-sit conferencemalta.com fejn wieħed jista’ jsib aktar dettalji dwar il-programm tal-ġurnata u l-kelliema li se jkomplu jiżdiedu fil-ġimgħat li ġejjin.