Persuna rriżultat fil-pożittiv għall-Coronavirus, fl-Istat tal-Vatikan. Qal dan il-Kelliem għall-Vatikan Matteo Bruni.
Bruni sostna li lbieraħ ġie sospiż is-servizz tal-outpatients fl-Istat tal-Vatikan. Dan sabiex dawn iż-żoni jkunu jistgħu jiġu sterlizzati.
Bruni tenna li minkejja dan is-servizzi tal-emerġenza għadhom disponibbli.
L-awtoritajiet tas-saħħa Taljani huma mgħarrfa b’dan.
F’aktar żviluppi dwar dan l-istess virus, il-cruiseliner Grand Princess bi 3,500 persuna abbord, twaqqaf fil-kosta ta’ Kalifornja sakemm isiru testijiet fuq madwar 100 passiġġier.
Fi vjaġġ li sar fl-aħħar ġimgħat fuq l-istess bastiment, wieħed mill-passiġġieri miet u 4 oħra ġew infettati.
Intant fl-Eġittu ġew irrappurtati 12-il każ ta’ Coronavirus fuq cruisliner fuq ix-xmara Nil.
F’bosta pajjiżi u bliet fil-Lvant Nofsani qed jiġu kkanċellati t-talb ta’ nhar ta’ Ġimgħa ta’ dawk li jipprattikaw l-Iżlam.
Intant, analiżi tal-Bank Ażjatiku tal-Iżvilupp tissuġerixxi li l-impatt fuq l-ekonomija globali minħabba dan il-virus jista’ jkun bejn 77 biljun dollaru u 347 biljun dollaru.
Il-Kap tad-drittijiet umani tan-Nazzjonijiet Magħquda wissa lill-Gvernijiet madwar id-dinja li l-azzjonijiet li jieħdu jridu jkunu neċessarji u proporzjonati.
Madwar id-dinja, l-awtoritajiet ikkonfermaw aktar minn 98,000 każ tal-virus.
Il-maġġoranza tal-każijiet – aktar minn 80,000– huma fiċ-Ċina, minn fejn oriġina dan l-istess virus.