Id-dar tal-anzjani fl-Imtarfa se tkun l-ewwel dar tal-anzjani b’kamra tat-trattament multi-dixxiplinarju f’pajjiżna. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarjiet fl-istess dar, fejn tħabbar ukoll li eventwalment, kull dar tal-anzjani tal-Gvern se jkollha l-istess faċilità, bħala parti mit-titjib tal-istandards ta’ dawn l-istess djar.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, li stqarr li dan l-investiment huwa biss parti minn rinovar sħiħ fid-djar tal-anzjani tal-Gvern.
Qal, “Ix-xogħol għadu għaddej u apparti l-istandards tad-djar tal-anzjani kollha f’pajjiżna tal-Gvern, tal-privat u tal-Knisja qiegħdin nagħmlu minn kollox biex id-djar tal-anzjani tal-Gvern ikunu fost l-aqwa.”
Din il-kamra hija biss waħda mill-investimenti li saru f’din id-dar partikolari, li riċentament rat librerija ġdida, flimkien ma rinovar tal-lifts li kienu ilhom ma jaraw rinovar għal madwar ħamsa u għoxrin sena.
ONE News tkellem mal-maniġer tal-kura residenzjali, Lindsey Spiteri, li spjegat kif din il-kamra tista’ tiġi użata minn diversi ħaddiema li jieħdu ħsieb l-anzjani b’dedikazzjoni liema bħalha. Hawn l-anzjani jistgħu ifittxu l-kura għall-ġogi, is-saqajn u sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’mod aktar indipendenti, iżda l-privatezza hija l-aktar karatteristika importanti.
Spjegat, “Kull min għandu bżonn juża din il-kamra anke għall-privatezza biex ma jarax ir-resident fil-kamra fejn hemm residenti oħrajn, ikun jista’ juża hawn. Għandna t-tagħmir kollu hawn allura iktar faċli għax ikunu kollha flimkien.”