Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa minn meta Donald Trump ħa l-ħatra uffiċjali ta’ President Amerikan.
Il-President il-ġdid tal-Istati Uniti Donald Trump, flimkien ma’ martu Melania u l-familja, attenda għal tliet ballijiet fl-istat ta’ Washington bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ħatra tiegħu.
Bil-kanzunetta My Way ta’ Frank Sinatra fl-isfond, il-koppja Trump żifnu ż-żifna li ħa tibqa’ mmarkata bħala l-ewwel waħda bħala l-President u l-First Lady tal-Istati Uniti.
Sigħat wara l-ħatra tiegħu bħala l-ħamsa u erbgħin President Amerikan, Donald Trump iffirma ordni eżekuttiva biex jirriforma l-iskema tas-saħħa tal-predeċessur tiegħu, magħrufa bħala Obamacare. Ordni li se tfisser li se jkun imminimizzat il-piż ekonomiku ta’ din il-liġi, għalkemm dettalji dwar kif se jiġri dan għadhom ma ngħatawx.
Is-sit elettroniku uffiċjali tal-White House nbidlet bl-aġenda ta’ Trump – li jfisser b’sitt miri partikolari: l-enerġija, il-politika barranija, l-impjiegi, il-Militar u l-kummerċ.
Kritiċi rrimarkaw li fl-ebda minn dawn ma jissemmew id-drittijiet ċivili, drittijiet għal nies LGBT, il-kura tas-saħħa jew it-tibdil fil-klima.
Waqt li kien qed jiġri dan kollu, mal-mitejn elf persuna inġabru f’Washington għal dak li l-organizzaturi sejħulu Women’s March. Dan bil-għan li jkunu sostnuti kwistjonijiet bħall-ugwaljanza bejn is-sessi u r-razziżmu. Kwistjonijiet li ħafna jħossu li taħt it-tmexxija ta’ Trump huma mhedda.
Mixjiet simili seħħew fl-Awstralja, fi New Zealand u fil-Messiku fost l-oħrajn, u hemm oħrajn ppjanati fil-jiem li ġejjin.
Dan kollu xhieda tar-rebħa kontroversjali ta’ Trump, li segwiet waħda mill-iktar kampanji qalila fl-istorja moderna.