Dan jum l-omm huwa wieħed speċjali għas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.
Dan hekk kif għaxar ġimgħat ilu, Bugeja Said saret omm għall-ewwel darba taċ-ċkejkna, Margaux.
Iltqajna ma’ Alicia Bugeja Said li spjegatilna l-esperjenza tagħha bħala omm.
Qalet, “L-esperjenza tiegħi ta’ omm għal dawn l-aħħar għaxar ġimgħat kienu ta’ inqas irqad, però ta’ mumenti sbieħ ħafna, speċjalment meta anki Margaux taqbad titbissem, hija realtà oħra li kull omm tieħu pjaċir tesperjenza.”
Bħala l-ewwel membru fl-eżekuttiv tal-Gvern li saret omm, Bugeja Said sostniet fuq il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
Qalet, “Tagħmel bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Importanti li ovvjament li l-familja tibqa’ l-prijorità, però mbagħad insibu l-ħin propju sabiex anki nwettqu l-ħidma tagħna, f’ġurnata impenjata nipprova anki hemmhekk nipprova li lil Margaux intiha l-ħin li għandha bżonn.”
Fl-intervista magħna, Alicia Bugeja Said saħqet li l-irwol ta’ omm fih il-vantaġġi tiegħu f’ħidmietha.
Qalet, “Li tkun omm naraha bħala vantaġġ, minħabba li x’ħin inħares lejn binti ngħid xi rrid aħjar f’pajjiżna għal binti, xi rrid aħjar għal pajjiżna għall-uliedna u għaldaqstant kull omm għandha x’toffri. Minn hawnhekk nappella lill-ommijiet kollha f’Malta u Għawdex biex huma wkoll jersqu lejn il-karigi li jixtiequ u l-karrieri li jixtiequ u l-karrieri li jixtiequ f’ħajjithom, ma jarawx il-motherhood bħala opportunità biex jimirħu ‘l quddiem u nkomplu nġibu bidla sabiħa għal pajjiżna.”