“Illum għandna l-inqas numru ta’ nies jirreġistraw fl-aħħar 37 sena, sitwazzjoni fejn dan kollu għamilnih mhux billi berbaqna, il-kuxjenza soċjali tagħna bdiet mill-ewwel ġurnata, il-kuxjenza soċjali mhux li tagħti minn dak li m’għandekx, imma li tagħti minn dak li għandek.” Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors tiegħu waqt attivitá politika f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-Prim Ministru spjega li l-ewwel ħaġa li kellhu jagħmel dan il-Gvern kienet li jassigura li d-dejn li kellu l-pajjiż ma jirtuħx iċ-ċittadini. Huwa stqarr li biex dan kien possibbli, l-Gvern kabbar l-ekonomija u żied l-impjiegi u għalhekk issa jista’ jqassam il-ġid.
” Qegħdin inħallsu llum id-dejn li writna qabel, u lil ta’ warajna se nħallulhom il-ġid. Dan kollu qed nagħmluh filwaqt li d-dejn u d-defiċit neżlin. Kieku ridna, id-defiċit li qed ngħidu li sas-sena d-dieħla se nġibuh 0.5%, defiċit li writnih b’rata ta’ 4%, konna nġibuh fix-xejn, iżda għażilna li nagħtu b’€21miljun f’mizuri għal min jiflaħ l-inqas” spjega l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru fisser li l-miżuri li daħħal dan il-Gvern ma jolqtux faxxa waħda biss, huwa spjega kif miżuri bħal dik tac-childcare b’xejn tolqot ukoll il-pensjonijiet, għaliex aktar nies jaħdmu jfisser li numru akbar ta’ nies qed iħallsu l-bolla u b’mod sussegwenti jitħallsu l-pensjonijiet.
Kull problema qed indawwruha f’opportunità, tenna Joseph Muscat filwaqt li semma kif kien hawn problema li żgħażagħ ta’ taħt it-23 sena, l-ewwel ħaġa li jagħmlu flok imorru jaħdmu kienet li jmorru japplikaw għar-relief, iżda dan il-Gvern daħħal il-garanzija għaż-żgħażagħ u llum fadal biss tmintax-il żgħażugħ fuq ir-relief.