51 immigrant li ddaħħlu Malta fuq il-bastiment MV Lifeline jinsabu fi triqithom lejn Franza. Dan bħala parti mill-ftehim bejn disa’ Stati Membri Ewropej.
Fi tweet il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-ftehim juri kif il-qsim ta’ responsabbiltajiet jista’ jsir bejn il-pajjiżi b’mod effettiv.
Kien ftit tal-jiem ilu illi l-bastiment MV Lifeline, li abbord kellu 230 passiġġier, iddaħħal Malta wara li kien ilu barra l-ibħra Maltin għal madwar sitt ijiem.
Kienet b’inizjattiva tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ntlaħaq il-ftehim addattat biex l-immigranti jitqassmu bejn disa’ pajjiżi. Dan wara li ġew eżaminati u ngħataw iċ-ċans japplikaw għal status ta’ ażil.
Intant illum mistenni jkompli jinstema’ l-każ kontra l-Kaptan ta’ MV Lifeline Claus Peter Reisch ta’ 57 sena minn Munich wara li tressaq il-Qorti tlett ijiem ilu. Hu qed ikun mixli b’għadd ta’ akkużi fosthom li uża l-vapur Lifeline meta ma kienx irreġistrat mal-Awtorità fir-Reġistru għal Bastiment Żgħar u li uża l-vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta ma kellux il-liċenzja ta’ Transport Malta.
First group of persons from #Lifeline left #Malta for #France as part of ad hoc agreement between 9 countries. Responsibility sharing and returns are possible and can be done in a humane and effective manner -JM @EU_Commission @FranceinMalta pic.twitter.com/P5AWqd88Nq
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 5, 2018