Bħal dan iż-żmien, mija, erbgħa u disgħin sena ilu, l-ewwel Griegi kienu waslu fl-Awstralja. Dan kien seħħ fl-aħħar ta’ Awwissu tal-1829.
Nhar il-Ħadd il-Greċja fakkret dan l-anniversarju storiku.
Dan il-grupp ta’ Griegi, li kienu baħrin u kienu jammontaw għal sebgħa, spiċċaw l-Awstralja wara li nstabu ħatja ta’ piraterija f’Qorti f’pajjiżna, dak iż-żmien immexxija mill-Gvern Kolonjali Ingliż.
L-Ingliżi hawn Malta kienu ilhom mill-elf u tmien mija, fejn imbagħad ħadu t-tmexxija ta’ pajjiżna tlettax-il sena wara.
Eventwalment, tmien snin wara l-kundanna, il-Gvern Ingliż ħafer lill-Griegi għar-reati mwettqin minnhom, b’ħamsa jirritornaw fil-Greċja, waqt li tnejn l-oħra baqgħu jgħixu fl-Awstralja, fl-art li wkoll kienet maħkuma mill-Imperu Britanniku.
F’dak iż-żmien il-piraterija kienet in-norma tal-ġurnata, speċjalment taħt it-tmexxija tal-Kavallieri. Dan meta kellek il-kursara li jiġġieldu fil-baħar Mediterran, bil-forzi Kattoliċi attakkati spiss mill-Imperu Ottoman – ġlied għad-dominju reliġjuż li kkaratterizza s-Seklu Sittax, partikolarment.
Ma rridux ninsew ukoll li l-ewwel Maltin li waslu l-Awstralja għall-ħabta tal-1810 ukoll kienu persuni li ġew ikkundannati fil-Qrati tal-ġustizzja dak iż-żmien.
Hu maħsub li l-ewwel emigrant Malti, li mar minn jeddu fil-kontinent Awstraljan, kien Antonio Azzopardi, li wasal hemm fl-1838, waqt li kellhom jgħaddu 45 sena oħra qabel wasal l-ewwel grupp minn pajjiżna, sebgħin ħaddiem u disgħa maħrubin, fl-1883.