Madwar 100 bidwi Malti u Għawdxi se jingħataw kważi miljun ewro biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara li ġarrbu kawża tal-grigalata kbira li laqtet lill-gżejjer Maltin fi Frar li għadda.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-budget għas-sena d-dieħla, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Clint Camilleri qal li l-valur tal-ħsara li ġarrbu l-bdiewa kien jaqbeż il-€1,100,000.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-bdiewa se jingħataw 45% tal-ħsarat li ġarrbu u ħabbar li s-sajjieda se jingħataw kumpens ukoll għall-ħsara li ġarrbu.
Is-Segretarju Parlament ħabbar ukoll li għall-ewwel darba l-gvern se jorganizza festival bil-għan li r-raħħala, il-bdiewa u s-sajjieda jesponu l-prodotti tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Camilleri sostna: “Din ser inkunu qed nagħmluha għall-ewwel darba f’pajjiżna propju fir-Rebbiegħa li ġejja fejn ser intellgħu l-ewwel fiera nazzjonali li ser ikun opportunità għar-raħħala, għall-bdiewa, għas-sajjieda li jesebixxu l-prodotti tagħhom . Apparti minn hekk anke opportunità għall-proċessuri, opportunità għal dawk kollha li jipproċessaw il-prodotti lokali sabiex jagħtuna imbaghad prodott ta’ kwalità.”
Il-Perit Camilleri semma wkoll il-proġett ta’ riġenerazzjoni li għaddej fil-biċċerija b’investiment ta’ €1,200,000.
“Bl-investiment li ser inkunu qegħdin nagħmlu ser inkunu qed noħolqu prodotti ġodda minn diskars li qabel kienu qed jintremew. Prodotti bħalma huma l-kirxa, prodotti mill-istonku tal-majjal. Dawn ser inkunu qed noħolqi prodotti ġodda. Prodotti li huma mfittxija mis-suq”, sostna Camilleri.
Ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda proġett ieħor għal bini ta’ ċentru għas-servizzi tas-sajd b’investiment ta’ €5 miljun li għandu l-għan li jiċċentralizza s-servizzi marbuta mas-sajd f’post modern u ġdid.
Tkellem ukoll dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni u mmodernizzar tal-Pitkalija li għalih ġew allokati €650,00. Qal li l-proġett li ilu mwiegħed għexieren ta’ snin se jwassal għall-immodernaizzar tax-sheds u l-proċess ta’ sħiħ ta’ kif isir il-bejgħ. Dan bil-għan li l-bidwi jingħata qligħ xieraq u mistħoqq.