Il-Prim Ministru ilu jitkellem dwar kif fid-dinja kompetittiva tal-lum ir-riskju hu dejjem ikbar meta ma tagħmel xejn. Dan wassal biex fl-aħħar jiem is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri ħabbar qafas ta’ regoli ġodda għal dik li qed tissejjaħ Distributed Ledger Technology. Iżda, x’inhi din it-teknoloġija u kemm għandha bżonna. F’intervista mal-gazzetta KullĦadd, Schembri jispjega li din hi teknoloġija li potenzjalment tista’ tħalli impatt fuq il-ħajja tagħna u l-mod kif isir in-negozju daqs l-internet. Għalhekk il-ħtieġa ta’ trasparenza u effiċjenza u għalhekk ukoll il-ħtieġa li Malta ma taqtax lura iżda tkun protagonista. Saħansitra hemm min jemmen li din hi viżjoni li tista’ toħloq niċċa ekonomika li tkun kbira daqs il-gaming.
Fl-aħħar jiem tkellimt fuq regoli ġodda għal settur meqjus bħala DLT. Però kif wasalna s’hawn?
Meta kont inservi bħala Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fi ħdan il-Parlament Malti kont tellajt konferenza dwar ħolqien t’ekonomiji ġodda. Kien ta’ sodisfazzjoni kbir li l-proposti li ħarġu mill-istess konferenza sabu ruħhom fuq il-manifest elettorali ta’ dan il-Gvern li jgħid ċar u tond il-viżjoni tiegħu f’dan il-qasam, dik li titnieda l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Teknoloġija Blockchain biex bħala pajjiż inkunu proattivi u minn ta’ quddiem nett f’qasam li ħafna qed iqisuh bħala l-iktar li se jħalli impatt fis-snin li ġejjin u dan għax b’xi mod kull qasam se jmiss miegħu.
Imma x’potenzjal ekonomiku hemm?
Biss biss huwa previst li sal-2025, 10% tal-prodott gross domestiku dinji se jkun iġġenerat minn din it-teknoloġija.
Meta bdejt inservi bħala Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-ewwel inbdiet il-ħidma biex tkun implimentata l-viżjoni f’dan is-settur, li nkunu l-ewwel fid-dinja fl-innovazzjoni ekonomika.
F’Novembru tas-sena li għaddiet waqqafna l-Blockchain Taskforce li xogħolha kien li tanalizza r-rakkomandazzjonijiet li jitressqu quddiemha bil-għan li timplimenta l-istrateġija tal-Gvern f’dan is-settur. Rakkomandazzjonijiet u proposti tressqu minn 7 kumpaniji kbar fil-qasam tas-settur finanzjarju u b’dan il-mod dehru iżjed viżibbli l-opportunitajiet għall-pajjiżna fit-teknoloġija magħrufa bħala DLT.
Wettaqna diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ diversi awtoritajiet u entitajiet bħall-MITA, l-MCA, l-MFSA, l-MGA u s-CBM. Laqgħat ma’ partijiet interessati bħall-Korp tal-Pulizija u l-FIAU. Laqgħat mal-industrija lokali u internazzjonali. Għaldaqstant inħass il-bżonn li jkun stabbilit qafas legali b’mod li pajjiżna jkun jista’ joffri l-ekosistema ideali għal dawk li jridu jużaw din it-teknoloġija fl-operat tagħhom. Liema qafas legali issa qiegħed għall-konsultazzjoni pubblika.
Xi jfisser dan il-pass?
Ifisser li Malta qiegħda minn ta’ quddiem nett fid-dinja biex tirregola dan is-settur. Il-qafas legali qed jippermettilna nkunu innovattivi. Dan għax se nkunu qed nirregolaw mingħajr ma noħonqu l-innovazzjoni li hija t-triq ’il quddiem għal iżjed tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.
Il-qafas legali li qed inressqu se joffri ċertezza legali f’settur li bħalissa mhux irregolat. Ċertezza li hija bbażata fuq tliet prinċipji:- Protezzjoni lill-konsumatur, suq stabbli u integrali.
Fuq kollox se jsaħħaħ l-ekosistema ta’ pajjiżna li tkun tista’ toffri spazju aħjar għall-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija. Fuq kollox se nkunu qed inpoġġu lil Malta bħala d-destinazzjoni naturali għal negozji li jużaw din it-teknoloġija fl-operat tagħhom.
Fil-qafas legali mressaq qed tissuġġerixxu li titwaqqaf Awtorità; Malta Digital Innovation Authority. Għaliex il-bżonn li tinħoloq Awtorità ġdida?
Biex inkunu ċari dan huwa settur kompletament ġdid għal pajjiżna u għalhekk il-bżonn li jkun hemm Awtorità responsabbli minnu. B’dan il-mod inkunu qegħdin insostnu s-serjetà u l-kredibilità ta’ pajjiżna mhux biss f’dan is-settur iżda wkoll bħala ġurisdizzjoni. L-istess bħalma għandna awtoritajiet responsabbli mill-gaming jew mis-servizzi finanzjarji, din l-Awtorità se tkun responsabbli mill-irregolar tat-teknoloġija DLT, Disrupted Ledger Technology u teknoloġiji relatati bħall-Blockchain.
L-Awtorità se tkun il-post biex dawk li joffru servizz bl-użu ta’ din it-teknoloġija, b’mod volontarju, jersqu ’l quddiem u jkunu rreġistrati taħt din l-Awtorità. Ovvjament qegħdin norbtu flimkien li naraw li jkunu segwiti d-direttivi Ewropej li daħħal riċentament pajjiżna bħal dawk b’rabta ma’ ħasil ta’ flus.
X’se jkun l-irwol tagħha?
L-irwol tagħha se jkun li tippromwovi l-politika tal-Gvern biex Malta tkun ċentru għal teknoloġija u innovazzjoni, li ssaħħaħ l-ekosistema bl-użu ta’ teknoloġija tal-ogħla livell użata min-negozji u fi prattiċi oħra, li tissalvagwardja r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u li sservi bħala punt ta’ referenza għal entitajiet u awtoritajiet oħra lokali biex tkun tista’ tassistihom b’mod tekniku.
Dan il-qasam kif se jkun qed iħalli impatt fuq is-soċjetà kollha kemm hi?
Hemm min, u nifhem, li forsi dan is-settur għadu mhux jifhmu jew għadu qed jiffamiljarizza ruħu miegħu dwar kif jaħdem jew hemm min qed iħoss li dan ftit li xejn se jħalli impatt fuq ħajtu. Dwar tal-aħħar, mhuwiex il-każ. Esperti kbar qed jgħidu li din hija teknoloġija li se tħalli impatt kbir, impatt daqs dak tal-internet u għalhekk Malta hija minn ta’ quddiem nett f’dan il-qasam għax qed tantiċipa sew il-bidliet li se jġib miegħu x-xenarju diġitali.
Eżempju fil-mod kif jgħaddu t-tranżazzjonijiet minn kumpanija għall-oħra, din it-teknoloġija se tkun qed iżżomm rendikont ta’ kollox. Fl-industrija tal-mużika fejn l-artist tista’ tgħid se jkollu rendikont aħjar tal-flus li għandu jieħu anke fejn għandu x’jaqsam l-aspett ta’ royalties. Hemm ukoll kuntratti diġitali bħal f’każ ta’ konvenju fejn ma jkunx hemm bżonn it-tielet persuna intermedjarja, iżda kollox isir permezz ta’ din it-teknoloġija.
X’qed ikun propost permezz tal-qafas legali?
Minbarra l-mod kif nirregolaw it-teknoloġija DLT qegħdin inressqu għall-konsultazzjoni pubblika abbozz li se jwassal għall-att dwar il-muniti virtwali, il-Virtual Currencies Act. Dan se jifrex it-tapit għal qafas legali għat-twaqqif ta’ reġim regolatorju fuq servizzi bbażati fuq muniti virtwali. Liema qafas imbagħad se jkun qed jitressaq mill-MFSA.
X’benefiċċju ekonomiku se jġib miegħu dan il-qasam?
Qed noħolqu settur ekonomiku ġdid b’potenzjal li jkun mutur ekonomiku għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u dan se jwassalna għal ħolqien t’impjiegi ġodda u li nattiraw iżjed investiment lejn pajjiżna. Settur ġdid li mhux se jkun ta’ xkiel anzi se jsaħħaħ industriji oħra bħal dawk tal-gaming u tas-servizzi finanzjarji. Iżjed minn hekk huwa qasam li se jsaħħaħ l-effiċjenza u t-trasparenza.
Dan hu settur ekonomiku ġdid għal pajjiżna li se jħalli introjtu fl-ekonomija ta’ pajjiżna b’riżultati li l-ekonomija Maltija tkun reżiljenti u tilqa’ għal dak li jista’ jseħħ fuq sfera internazzjonali.
Għal xiex se twassal il-konsultazzjoni pubblika?
Dan id-dokument hu rizultat wiesa’ ta’ taħditiet mal-industrija. Nixtieq li nkomplu niġbru kemm nistgħu l-veduti tal-partijiet interessati f’dan il-qasam. Għaldaqstant l-iskop ta’ dan id-dokument hu li jkompli jiġbor ir-rispons tal-industrija, partijiet interessati u l-pubbliku inġenerali sabiex dan il-qafas li qed nipproponu jkompli jitjieb b’mod li jirrifletti in-neċessitajiet tal-industrija.
Konvint li dan kollu jwassalna lejn il-viżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jara lil Malta tkun minn ta’ quddiem nett f’din it-teknoloġija. Pass li se jieħu lil pajjiżna fil-viżjoni, dik li Malta ssir The Blockchain Island.