L-ewwel fażi tal-proġett fil-Pjazza tal-Mosta se tkun qed titlesta fi tmiem din is-sena. Dan sostnieh is-Sindku tal-Mosta, il-Perit Chris Grech, hekk kif kien mistieden fil-programm ‘Pjazza’ biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dan il-proġett.
“Il-proġett se jkun lest kif imwiegħed sal-aħħar ta’ din is-sena, ħa jibqa’ xi xogħlijiet li se jsiru wara, li huma xogħlijiet ta’ dwal, il-landscaping se jkun lest, hemm xi xogħol ta’ sigurtà, ta’ bollards li dawn l-affarijiet kollha jikkumplimentaw fi proġett li żgur, jekk m’għamel xejn il-Kunsill bħalma hawn min jgħid, dan il-proġett se jħalli legat lill-Mostin.”
Chris Grech – Sindku tal-MostaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Fil-fatt, is-Sindku Mosti tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni biex is-siġar tat-tip Ficus li hemm mar-Rotunda tal-Mosta jibqgħu f’posthom biex b’hekk mhux se jinqalgħu biex jitħawlu f’post ieħor fil-Mosta stess.
Grech sostna li dan qed jagħmlu wara li l-Kunsill sema’ lin-nies u s-siġar li hemm se jkunu inkorporati fil-proġett ta’ tisbiħ li qed isir fil-pjazza, minflok jitħawlu oħrajn differenti.
“Wara r-rispons tal-pubbliku jiena ma kelli l-ebda problema li nitkellem ma’ sħabi l-kunsillieri li ninsew il-permess, avolja hemm permess, u jiġu integrati fil-proġett, biż-żvantaġġi li fihom kollha. Dak huwa case closed. Is-siġar ħa jibqgħu fil-pjazza tal-Mosta. In-nies riedu hekk u jiġri hekk.”
Chris Grech – Sindku tal-Mosta
Grech sostna dan minkejja qbil unanimu mill-kunsillieri wara li żvelat kif l-istess siġar u l-għeruq tagħhom kienu qed jikkawżaw ħsarat, tant li tnejn minnhom diġà kellhom jitneħħew ftit taż-żmien ilu u jiġu mħawla f’post ieħor.
“Xahar u nofs ilu diġà kien hemm problema bi tnejn minnhom, għax daħlu fil-ġwiebi u dawn għamilna transplanting bil-permess tagħhom u dawn inqalgħu minħabba li kienu daħlu fil-ġiebja, waħda fil-ġiebja u oħra li kienet qed tagħmel ħsara maġenb iċ-ċentru ċiviku, li dawn qlajnihom u ġew transplanted u tħawlu fi Vjal Ragusa u diġà f’xahar qabdu u bdew jarmu.”
Chris Grech – Sindku tal-Mosta
Sadanittant, Grech wkoll semma l-fażijiet ta’ xogħol li jmiss f’dan il-proġett multi-miljunarju.
“It-tieni fażi tal-proġett tal-pjazza hu l-proġett ta’ 3,000 metru kwadru, żona pubblika wara l-Knisja li hu r-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Reggie Cilia, li se jkun wieħed mis-16-il proġett imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela ta’ Project Green. U dak il-proġett ta’ Project Green ikun it-tieni fażi u t-tielet fażi jkun wara li jinbena parkeġġ fil-Mosta viċin il-pjazza tal-Mosta u ma jkollniex bżonn aktar il-parkeġġ ta’ biswit il-Knisja, ikollna t-tielet fażi ta’ pavimentar u riġenerazzjoni ta’ dik iż-żona fejn hemm il-parkeġġ.”
Chris Grech – Sindku tal-Mosta