Raġel Ċiniż ta’ 44 sena miet kawża tal-coronavirus fil-Filippini, din hija l-ewwel fatalità barra miċ-Ċina.
Ir-raġel kien minn Wuhan fil-provinċja ta’ Hubei, fejn ġie skopert dan il-virus. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li r-raġel kien infettat bil-virus qabel ma wasal fil-Filippini.
S’issa mietu aktar minn 300 persuna kawża ta’ dan il-virus filwaqt li aktar minn 14-il elf persuna ġew infettati.
Diversi pajjiżi fosthom l-Istati Uniti u l-Awstralja waqqfu l-wasla ta’ passiġġieri li jkunu ġejjin miċ-Ċina filwaqt li ċittadini li jkunu ġejjin lura miċ-Ċina qed jitpoġġew fi kwarantina.
Minkejja li l-għadd ta’ każijiet infettati bil-coronavirus qabeż dak tal-epidemija tas-sars, ir-rata ta’ mwiet mill-virus hija inqas u li għalhekk qed jindika li l-virus mhuwiex daqstant fatali.