Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Malta STEM (Science, Technology, Engineering, and Mathematics) Education Awards, organizzata mis-Science Centre (Pembroke) fi ħdan id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar (DLAP) taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, tħabbru matul avveniment online nhar it-Tnejn filgħaxija. Il-Malta STEM Education Awards twaqqfu biex jiġu ċċelebrati l-prattikanti u l-entitajiet eċċezzjonali li jrawmu prattiki edukattivi STEM ta’ kwalità għolja.
Il-President George Vella spjega li dawn il-premjijiet jirrikonoxxu l-valur miżjud ta’ politika nazzjonali li tiffoka fuq il-koeżjoni tal-edukazzjoni xjentifika, il-ġid tal-komunità u l-iżvilupp fid-dinja tax-xogħol. Huwa esprima x-xewqa li jkun hemm iktar studenti nisa li jagħżlu suġġetti STEM. Filwaqt li feraħ lir-rebbieħa kollha, żied jgħid li huma se jkomplu jkunu ta’ eżempju importanti għall-istudenti Maltin billi jispirawhom fir-rigward tad-diversi opportunitajiet fis-setturi rispettivi.
Min-naħa tagħha, Desiree Scicluna Bugeja, Assistent Direttur ta’ DLAP, qalet, “Id-DLAP ħa impenn sod li jipprovdi edukazzjoni STEM ta’ kwalità lill-istudenti kollha. Fil-fatt, il-Malta STEM Education Awards jiċċelebraw lill-professjonisti u lill-entitajiet li jispiraw liż-żgħażagħ jagħżlu suġġetti u karrieri STEM. F’dinja li tinbidel malajr u dejjem iżjed kumplessa, l-edukazzjoni STEM tibqa’ prijorità nazzjonali biex tagħti lill-istudenti żgħażagħ – il-mexxejja futuri – il-litteriżmu xjentifiku neċessarju biex jifhmu u jsolvu sfidi kumplessi tal-lum u ta’ għada waqt li jissodisfaw id-domanda ta’ forza tax-xogħol dinamika li dejjem tevolvi.
Ir-rebbieħa kienu Nadine Mifsud, li ngħatat il-premju bħala edukatur STEM distint fis-snin bikrin; Sabrina Camilleri, li ngħatat il-premju bħala edukatur STEM distint fl-edukazzjoni primarja; Duncan Ciappara, li ngħata l-Premju ta’ Distinguished STEM Educator Middle; Stephanie Maggi Pulis, li ngħatat il-Premju ta’ Distinguished STEM Educator in Secondary; Richard Zahra, li ngħata l-Premju ta’ Distinguished STEM Educator in Post-secondary; James Galea, li ngħata l-Premju ta’ Technician; Pauline Grech, li ngħatat il-Premju ta’ Distinguished Educational Leadership in STEM; Michael Spagnol, li ngħata l-Premju ta’ Distinguished STEM Professional Development; Analisa Magro, li ngħatat il-Premju ta’ Educator within Community; l-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta, li ngħatat il-Premju ta’ Education Partnership; Gaetano Bugeja, li ngħata l-Premju ta’ Exceptional Contribution to STEM Education; and Joseph Bartolo, li ngħata l-Premju ta’ Lifetime Contribution to STEM Education.
Il-premijiet se jiġu ppreżentati lir-riċevituri mill-President f’ċeremonja li se ssir fil-jiem li ġejjin.