Aktar minn nofs tunnellata ta’ ġobon differenti u aktar minn 15-il flixkun inbid minn madwar id-dinja huma fost l-attrazzjonijiet fl-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-ġobon u inbid li se jittella’ s-Sibt li ġej f’Ħal Qormi.
L-attività li se tibda fis-7ta’ filgħaxija tinkludi inbid lokali u nbejjed ta’ kwalità mill-erbat irjieħ tad-dinja flimkien ma’ ġobon Taljan u Skoċċiż.
ONE News tkellem max-Chef ta’ dan il-festival Chaz Psaila li qal li se jkun hemm varjetà kbira ta’ ikel u ġobnijiet li l-pubbliku jista’ jikkonsma flimkien ma’ kisra ħobż tajba u tqarmeċ li l-Qriema huma magħrufin għaliha.
Psaila qalilna “Se jkun hemm mature cheddars, red lester, ħa jkun hem ġobon bil-bżar, ħafna varjetà. Se jkun hem anke salamijiet, spicy salami, mild salami. Ħa jkun hem ħafna varjetà li żgur m’għandkhomx titilfuha”.
Fi tnedija ta’ dan il-festival li għandu wkoll l-appoġġ tal-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Qormi u r-Reġjun tan-Nofsinhar, Simon Vella Gregory mill-Għaqda tan-Nar 23 ta’ April qal li din l-attività għandu l-għan ukoll li tħeġġeġ lill-pubbliku jirreġistra bħala donatur tal-organi.
Vella Gregory stqarr li “Għandha skop nobli, dik li qed nintroduċu fl-attività mejda, inti ġejt tieħu gost ġejt tieħu tazza inbid, ġobon però fl-istess ħin tista tagħti xi ħaġa li tibqa’. Din qed nitkellmu fuq l-organ donation u se nagħmlu mejda apposta fejn hemmhekk wieħed jista jinkiteb biex eventwalment wara mewtu jkun jista jghati organu u jsalva ħajja lil ħaddieħor”.
L-attività li se ssir quddiem il-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ tinkludi mużika, esebizzjonijiet u dramm fix-xelter tal-gwerra.