Il-mara għandna niċċelebrawha kuljum u mhux biss f’Jum il-Mara. Għalkemm il-mara f’pajjiżna mxiet ferm ’il quddiem tul dawn l-aħħar snin, irridu naħdmu ta’ kuljum għal soċjetà iżjed inklussiva.
Dan kien il-messaġġ li tat Dr Lydia Abela fl-għeluq l-ewwel edizzjoni mill-inizjattiva msejħa ‘MARA’, li xahar ilu xprunat il-ħsieb li n-nisa kollha f’pajjiżna jiġu rikonoxxuti għas-sehem tagħhom fis-soċjetà.
Fil-preżenza ta’ bosta sindki, nisa li ġew rikonoxxuti u għadd ta’ mistiedna oħrajn f’Villa Francia, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qalet li din iċ-ċelebrazzjoni hi xhieda tar-rwol importanti li għandha l-mara f’pajjiżna.
Hi spjegat ukoll kif irridu nisħqu aktar fuq l-importanza tal-indipendenza tal-mara.
“Niltaqa’ ma nies li jgħiduli m’għadekx taħdem hux? Filwaqt li nweġibhom li lil familja nagħtiha kull appoġġ ma jfissirx li npoġġi fil-ġenb dak li jien investejt fih f’żogħżiti, l-istudju u l-karriera tiegħi,” irrimarkat Dr Abela.
Preċiżament xahar qabel dan il-jum, Dr Abela kienet nediet għall-ewwel darba Premju Mara 2023-2024; premju li jirrikonoxxi mara minn kull lokalità f’pajjiżna. Fost dawk li ġew rikonoxxuti, waqt din iċ-ċerimonja, il-premju ngħata lil nisa minn kull faxxa tas-soċjetà.
Minn żagħżugħa, li tilfet lil xi ħadd għażiż għaliha u ħasbet kif tgħaqqad iżjed il-komunità li tgħix fiha, għal infermiera, li baqgħet tagħti kontribut anke wara li spiċċat mid-dinja tax-xogħol. Minn mara nieqsa mid-dawl li, minkejja l-isfidi tagħha, tgħin lil oħtha f’dak meħtieġ, għal omm, li tilfet l-unika wild tagħha u baqgħet involuta fil-volontarjat.
F’din l-attività, Dr Abela kellha l-opportunità tiltaqa’ ma’ dawn in-nisa u tisma’ l-istejjer ta’ suċċess tagħhom, filwaqt li kien mument ta’ ċelebrazzjoni għal kisbiet uniċi li wettqu n-nisa.
L-attività rat is-sehem taż-żewġ Segretarji Parlamentari Alison Zerafa Civelli u Rebecca Buttigieg.