Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Università ta’ Malta, se jikkollaboraw biex ivaraw l-ewwel edizzjoni ta’ Festalingwi, nhar il-Ħadd 24 ta’ Settembru, proprju sabiex jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew tal-Lingwi.
Dan il-festival fuq medda ta’ jum wieħed, se ssir fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta u d-dħul għalih huwa b’xejn.
Il-Festival se jkun ċelebrazzjoni tad-diversità lingwistika u l-iskambju kulturali għan-nies ta’ kull età u se jikkonsisti minn aktar minn 20 attività, kif ukoll għadd ta’ stands informattivi
Għall-udjenzi żgħar, Festalingwi toffri programm bi spettaklu teatrali dwar L-Istorja ta’ Malta u l-Malti minn More or Less Theatre, il-finali tal-kompetizzjoni Żanżan Kelma, kif ukoll lezzjonijiet introduttorji għall-Franċiż.
Se jsiru introduzzjonijiet għal-Lingwa tas-Sinjali Maltija u l-Malti għall-barranin, kif ukoll għall-ilsien Bask, ilsien reġjonali Spanjol.
Festalingwi se tindirizza wkoll numru ta’ suġġetti, inklużi, l-attitudnijiet lokali lejn il-Malti u l-Ingliż, kif ukoll post il-Malti f’soċjetà multikulturali.
L-għaqda Inizjamed se tmexxi workshop letterarju, filwaqt li dan l-għarfien se jiġi ttestjat fl-istand tad-DESA.
Il-festival se jagħlaq il-programm mużikali Ħoss il-Malti, bil-grupp rinomat Djun bħala l-protagonist, filwaqt li se jinfetaħ minn Mariele Żammit u Christian Borg, li se jippreżentaw programm ta’ kanzunetti Maltin u għana tradizzjonali b’laqta jazz.
David Schembri, l-Uffiċjal tal-Lingwa fir-Rappreżentanza tal-KE, qal li hekk kif il-lingwi jinsabu fil-qalba ta’ ħajjitna, u billi nimirħu fihom, nitgħallmu dwarna nfusna bħala individwi kif ukoll bħala soċjetà.
Pierre Cassar, id-Direttur tal-Marketing, il-Komunikazzjoni u l-Alunni fl-Universita ta’ Malta, esprima l-entużjażmu u s-sodisfazzjon tiegħu għal din il-kollaborazzjoni.