Fl-ewwel dibattitu politiku tal-Awtorità tax-Xandir spikkat il-kredibilità u l-preżentazzjoni ta’ proposti studjati u costings min-naħa tal-Partit Laburista u n-negattività u argumenti li jreġġgħu l-arloġġ lura min-naħa tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Miriam Dalli semmiet waħda mill-ewwel proposti li kien ħabbar il-Prim Ministru fl-ewwel sigħat tal-kampanja elettorali.
Qalet, “Ħa niffoka fuq il-proposta tas-€700 miljun fuq seba’ snin għall-proġetti biex inbiddlu wiċċ Malta. Qegħdin ngħidu li f’lokalitajiet differenti li huma densi, uħud minnhom industrijali ser inkunu qegħdin nagħtu l-ikbar spazji ħodor.”
Min-naħa tagħha, il-kandidata Laburista Rebecca Buttigieg fissret iż-żidiet li diġà ta Gvern Laburista lill-pensjonanti u li se jkompli jagħti żieda bi ħmistax-il ewro oħra fil-ġimgħa.
Qalet, “Hemmhekk irridu naraw. Żidna l-pensjonijiet għal darba, darbtejn tlieta, se nkompli nżiduhom u fil-ħames snin li ġejjin se nkunu qed nagħtu l-akbar żieda lill-pensjonanti. Dik hija l-kredibilità, fis-26 ta’ Marzu l-għażla hija ċarissima. Jekk inti tridx lil xi ħadd li jinvesti fik, bejn dan il-partit jew inkella trid treġġa’ l-arloġġ lura u tispiċċa bix-xejn.”
Quddiem id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg u l-kandidat Nazzjonalista Joseph Grech, Miriam Dalli semmiet kif Bernard Grech irid jitfa’ l-piż tal-finanzjament tal-bolla għall-pensjoni, fuq min iħaddem, is-settur privat.
Qalet, “Xi jfisser dan. Ifisser li jekk int għandek għaxar ħaddiema li jitħallsu b’€20,000 il-wieħed, dik il-kumpanija trid tgħatti kontenut ta’ €20,000. Piż addizzjonali fuq in-negozji li m’intomx titkellmu dwaru għax ma jaqblilkomx, għax Bernard Grech qas jaf dwarha. Aħna differenti, aħna jekk qegħdin nitkellmu fuq il-pensjonijiet qed ngħidu lin-nies ħa nżidulkom b’€2,340 f’leġislatura, mingħajr ma nżidu t-taxxi, mingħajr ma nżidu l-piżijiet la fuq in-negozji u lanqas fuq l-individwi.”
Claudette Buttigieg kritikat lil Gvern għax qed jagħti rifużjoni tat-taxxa b’ċekk, b’Rebecca Buttigieg tfakkarha li Gvern Laburista bagħat iċ-ċekkijiet tul leġislatura u mhux lejliet elezzjoni ġenerali biss.
Rebecca Buttigieg qalet, “Intom il-manifest elettorali tagħkom lanqas għandkom it-tax refund imniżżel. Jiġifieri fis-26 ta’ Marzu għidulna jekk dawk il-persuni se jkunu qed jistgħu jieħdu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa,” b’Claudette Buttigieg tirrispondi “Mela mhux ittuwhomlhom.”
Kien hemm li Rebecca Buttigieg qalet, “Aħna qed nagħtuhom, jekk qed tifhimni sew, aħna dejjem tajna dawn iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni għal sena wara l-oħra u mhux għax ġejja elezzjoni.”
L-inkonsistenza ta’ Bernard Grech baqgħet tkun innutata anki fuq l-ambjent.
Qalet, “Ejja nisimgħu eżatt x’qal fuq il-White Rocks. Nagħmlu l-White Rocks ODZ biex meta nkunu rridu niżviluppawha, niżviluppawha b’mod trasparenti. Iddeċiedu ODZ jew mhux ODZ, ODZ jew ser tibnuha?”
Il-Ministru Dalli nnutat ukoll kif Bernard Grech qed iwiegħed id-dritt ta’ kont bankarju meta dan huwa bi dritt b’liġi li ilha teżisti.
Qalet, “Iva meta sejjer għall-elezzjoni, Kap tal-Oppożizzjoni li trid tmexxi pajjiż lanqas tirrealizza li qiegħed erba’ snin tard. L-MFSA f’Diċembru 2018 titkellem dwar Basic Payment Account: your right to basic banking services. Għaliex dan huwa dritt li ddaħħal fl-2018 biex kull individwu jkollu kont bankarju bażiku.”
Anki Rebecca Buttigieg innutat taħwid fil-programm elettorali ta’ Bernard Grech li spiċċa jrid iħott riforma fil-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 bil-konsegwenza li bosta anzjani jispiċċaw barra t-triq jew jerfgħu f’daqqa l-piż ġdid tal-kera.
Qalet, “Inti kemm ukoll Peter Agius u anki Ivan Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet qalu li ma kienx hemm żball. Però imbagħad kien il-Kap tal-Oppożizzjoni, li filwaqt li beda jħambaq illi l-Partit Nazzjonalista jinsab lest, però imbagħad ammetta li kien hemm żball f’dik il-proposta tal-kirjiet. Jiġifieri lil min għandna nemmnu lillek jew lill-Kap tal-Oppożizzjoni?”
Lejn tmiem id-dibattitu, il-Ministru Miriam Dalli nnutat kif fuq naħa hemm il-proposti costed u fuq naħa oħra programm elettorali li nbidel mas-sitt darbiet u bla costings.
Qalet, “Aħna nieħdu gost b’aħbarijiet pożittivi, tgħid li m’hemmx costings, imma mbagħad issemmi s-€700 miljun. Iddeċiedi, hemm costings jew m’hemmx? Hemm costings u għandna costings ta’ kollox, kif in-nies jafu u kif semgħu l-proposti tagħna.”