Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, iddikjara li d-deċiżjoni rigward il-proċess ta’ diliġenza li għaddej b’rabta man-negozjati bejn l-Air Malta u l-Alitalia se tittieħed bejn Ġunju u Lulju.
Zammit Lewis qal dan f’kumment li fih kkonferma wkoll li l-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-Alitalia se jkun ippublikat fl-25 ta’ Mejju jew wara din id-data, meta jiskadi l-perjodu miftiehem ta’ kunfidenżjalità bejn iż-żewġ partijiet.
Fuq kollox, il-Ministru Zammit Lewis tenna li dan huwa biss l-ewwel pass.
F’kummenti li għamel Zammit żied li jekk tittieħed deċiżjoni biex it-taħdidiet ikomplu, il-‘business plan’ ser jiġi ppreparat u evalwat miż-żewġ naħat.
“Kif diġà intqal waqt it-tħabbir tal-MOU, il-Gvern huwa impenjat li jikkomunika l-miri stabbiliti u hekk ser jiġri ladarba t-taħdidiet jaslu sal-fażi tal-preparazzjoni tal-‘business plan’,” qal Zammit Lewis.
Intant, il-Ministru għat-Turiżmu appella lill-Partit Nazzjonalista jkun responsabbli fuq l-Air Malta ħalli filwaqt li kien protagonista biex wassal lil Airmalta f’xifer falliment issa jipprova jiġbor ġieħu u jkun sieħeb flimkien mal-Gvern ħa jinkiseb ‘turnaround’ mil-linja nazzjonali tal-ajru u dan dejjem għall-interess ta’ pajjiżna.