L-ewwel deċiżjoni tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kienet dik li joħroġ kontra n-nomina tal-Ispeaker, Anglu Farrugia.
Dan tħabbar fi stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista tard it-Tlieta filgħaxija.
Fi tmiem laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali lbieraħ filgħaxija f’perjodu ta’ ġlied u kriżi fil-Partit Nazzjonalista, intqal li l-grupp parlamentari ta’ Bernard Grech ma jridx li Anglu Farrugia jerġa’ jippresjedi l-Parlament Malti.
In-nomina ta’ Anġlu Farrugia bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-14-il leġiżlatura mistennija titressaq mill-Gvern nhar is-Sibt li ġej.
L-iSpeaker jinħatar b’maġġoranza sempliċi tal-Parlament Malti u l-Prim Ministru sostna li Farrugia baqagħlu kontribut x’jagħti, anke għax kien hu li beda numru ta’ riformi, fosthom l-awtonomija tal-Parlament.
Din se tkun it-tielet darba li Anġlu Farrugia se jiġi nnominat għal dan l-irwol. Darba l-Partit Nazzjonalista vvota favur u darb’oħra kontra.