Aktar kmieni ħabbarna li abbatini Maltin u Għawdxin iltaqgħu mal-Papa Franġisku quddiem Santa Marta. Il-vatikanista Frank Zammit qasam magħna l-istess esperjenza, biss snin ilu.
“Jien trabbejt il-Marsa fil-Parroċċa ta’ Marija Regina, mmexxija mil-Ordni tal-Kappuċċini.
Tfuliti għexta d-dar, il-mużew u abbati…għamilt ħafna ħbieb tista’ tgħid it-tfal li kienu abbatini kienu wkoll jattendu l-qasam tal-museum.
Niftakar sew id-diretturi tal-Abbatini, lil-Fr Victor Tabone u lil Fr Joe Libreri u lis-Superjur Guzeppi Sammut minn-naħa tal-museum.
L-esperjenza fil-“Piccolo Clero” Malti laħqet l-ogħla livell tagħha lejn l-ahhar tal-1976 meta bdejt nattendi kors li hekk ntemmu b’success b’ezamijiet fil-Latin u t-Taljan kont ser immur għal ħafna ġimgħat inservi bħala abbati fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, f’Awissu sal-bidu ta’ Settembru tal-1977.
Dan kien rigal tal-parrinu tiegħi, z-ziju Freddie! Rigal li nibqa’ niftakar dwaru għal-dejjem.
Li l-abbatini Maltin iservu f’San Pietru mhix kumbinazzjoni. Kien privileġġ li l-Papa Pawlu VI ta’ lil-abbatini tal-gzejjer Maltin lura fl-1965. Minn dik id-data qatt ma naqsu l-abbatini tagħna fi sjuf f’San Pietru.
Konna preparati bil-quddiesa bil-Latin u t-Taljan mill-abbli Dun Alwig Deguara u Dun Vincenz li serva anke Arċipriet tal-Bazilika ta’ Marija Bambina fl-Isla.
Kienu jagħmlulna l-lezzjonijiet tal-Latin u t-Taljan kull nhar ta’ Ħadd filgħodu fl-Istitut Kattoliku l-Furjana.
Żmien il-kors għadda, ġew l-eżamijiet, għaddejt u ġejt magħżul!
Esperjenza li ma ninsiha qatt. 32 tifel tlaqna l-artali tal-Knejjes Maltin sabiex nigħnu fiċ-ċentralità tal-Knisja Universali.
Niftakar l-ewwel dmir kien li nassistu fil-funeral tal-Kardinal Dino Staffa, personalità kbira fil-Kurja ta’ Pawlu VI. Spiċċajt qisna ħuta barra l-ilma, mill-artal modest tal-Knisja Marsija għal-artal maġġuri ta’ San Pietru! Mhux ċajta!
Filgħodu ngħinu l-quddies f’San Pietru anke bi protokall ta’ “pumpiera”. Nkunu fuq bejt, iċċempel qampiena u l-abbati li jkun imiss jinżel biex jgħin lis-saċerdot li jkun ħiereg iqaddes fuq wieħed mil-artali tal-bażilika. Ġieli ingħatajt ir-responsabbiltà li nara li l-artali ta’ San Pietru ma jkunux nieqsa mil-ħobż u l-inbid tal-quddiesa!
Filgħodu ngħinu f’San Pietru, f’nofsinhar ikla tajba preparata mis-sorijiet tal-Preseminario San Pio X, u wara logħob jew xi ħarga kulturali bħal f’Nettuno u f’Assisi….Jew insegwu xi film f’dawk l-iljieli Rumani fil-bitħa tal-Preseminario!
Mhux kulħadd ixxala. Wieħed mil-kolleggi beda jħoss it-telfa t’ommu….naqqas fl-ikel u niżel lura Malta qabilna!
Niftakar ukoll ic-cerimonja solenni ta’ Jum il-Vestizzjoni meta irċevejt iċ-ċertifikat ta’ servizz u l-faxxa l-ħamra mingħand l-Arċipriet tal-Bażilika l-Kardinal Paolo Marella.
Il-Grupp tagħna kien ftit sfortunat. L-uniku grupp mingħajr ritratt mal-Papa. Pawlu VI kien fl-aħħar xhur tiegħu qabel miet. Rajnih biss waqt udjenza minn Castel Gandolfo…kien selmilna waqt id-diskors tiegħu.
Kien minn hemm il-bidu tal-imħabba tiegħi lejn il-Vatikan. Lanqas jien qatt m’immaġinajt li dik l-esperjenza kellha tiftaħli ħafna bibien ‘l quddiem.”