Kull xogħol fih is-sabiħ tiegħu u fix-xogħol ta’ qabla ta’ kuljum tesperjenza l-miraklu tal-ħajja. Hekk spjegatilna Chanelle Muscat li qaltilna kif f’xogħolha jirnexxielha tibni relazzjoni mal-omm tant li l-ġurnata tax-xogħol dejjem tkun waħda emozzjonanti ħafna.
Fil-jum iddedikat għal-qwiebel, Chanelle Muscat spjegat kif hija grazzja li ta’ kuljum tkun hemm għal mument fejn l-omm, li tkun ilha xhur iġġorr it-tarbija f’ġufha, tiltaqa’ għall-ewwel darba mat-tarbija u tħaddanha.
Hija stqarret: “Wieħed mill-isbaħ mumenti huwa xħin titwieled it-tarbija u tara dik l-emozzjoni kemm tal-omm, kemm tal-familjari, li jimlilek qalbek bil-ferħ. Nista’ ngħid l-ewwel darba li esperjenzajtha anke jiena qabżitli demmha.”
Madankollu stqarret li l-biki mhux dejjem ikun wieħed ta’ ferħ u mumenti diffiċi għall-ġenituri jkunu wkoll mumenti iebsin għal-qwiebel. Spjegat kif għalkemm dak il-ħin tkun iffukata fuq xogħolha l-effett ta’ dawn il-mumenti diffiċi jinħassu wara u saħansitra l-qabla toħodhom magħha d-dar.
Chanelle sostniet: “Wara iktar jiġi l-emozzjoni min-naħa tagħna li wara li għadda kollox imbgħad tħossok qisek, taf kif, qisha għaddiet burraxka minn fuqek u jkollok ukoll bżonn li xi kultant anke aħna stess ikollna bżonn naqra għajnuna psikoloġika meta ngħaddu minn dawn il-mumenti li jkunu daqxejn trawmatizzanti.”
Intant, hija nnutat wkoll kif din is-sena l-jum iddedikat għall-qwiebel ġie fi żmien fejn ukoll qed jiġġieldu l-pandemija tal-Coronavirus u stqarret kif dan iż-żmien u l-miżuri li jkollhom jittieħdu jagħmluha wkoll iżjed ta’ sfida għall-omm.
“Ovvjament dan iġib miegħu iżjed stress fuq il-mara li forsi tkun daqxejn beżgħana imma aħna min-naħa tagħna nippruvaw kemm jista’ jkun noffru sapport, avolja aħna fl-istess ħin qegħdin f’riskju li nintlaqtu minn din il-marda”, kompliet tgħid Chanelle.