F’Diċembru li għadda f’pajjiżna kien hawn biss disa’ mija u ħamsa u ħamsin persuna jirreġistraw biex isibu impjieg.
Skont l-istatistika uffiċjali, din kienet l-ewwel darba fl-istorja li pajjiżna għalaq is-sena b’inqas minn elf persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad.
Analiżi li għamlet il-gazzetta KullĦadd sabet li, waqt li qabel l-elfejn u tlettax, il-medja ta’ nies jirreġistraw fix-xahar ta’ Diċembru kienet ta’ madwar sitt elef u sitt mija, din naqset drastikament fl-aħħar snin, tant li bejn l-elfejn u tlettax u l-elfejn u dsatax tniżżlet għal tlett elef, tmien mija u sebgħa u għoxrin.
L-analiżi tal-KullĦadd kompliet tinnota kif taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, kien hemm persuna aktar kull jumejn li ma kellhiex bżonn tibqa’ tirreġistra għax daħlet f’impjieg.
Bil-maqlub, taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, kienet tiżdied persuna kull jumejn fuq ir-reġistru tal-qgħad.
Mill-aħħar statistika, li għadha kemm ġiet ippubblikata, jirriżulta li f’Diċembru li għadda dawk jirreġistraw f’pajjiżna kienu jgħoddu tmien darbiet inqas minn kemm kien hemm f’Marzu tal-elfejn u tlettax.
It-tnaqqis irreġistrat f’Għawdex kien aktar qawwi, għax in-numru tal-Għawdxin ifittxu x-xogħol naqas għal tlieta u sittin f’Diċembru li għadda, minn seba’ mija u tnejn u erbgħin fi tmiem l-aħħar Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Dan jikkonferma kemm il-Gvern attwali kellu suċċess fil-ġlieda kontra l-qgħad, kemm għax l-ekonomija ġġenerat ħafna impjiegi, imma wkoll għax il-Gvern daħħal diversi skemi li ħolqu inċentivi qawwija biex persuni li kienu jirreġistraw, jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.
Istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea, qed ibassru li pajjiżna se jibqa’ bl-inqas rata ta’ qgħad mill-pajjiżi kollha Ewropej.