Ma setax jonqos li s-settur tal-enerġija wkoll ikun fuq l-aġenda tal-Prim Ministru.
Qal li l-kredibbiltà dwar is-settur tal-enerġija tinsab fuq in-naħa tal-Gvern Laburista, li qed iġib bidliet li huma saħansitra rikonoxxuti u mħeġġa mill-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni li sħabu stess għadhom kif ivvottaw favur l-LNG fil-Parlament Ewropew illum.
Miż-żmien li Busuttil preżenta l-argument li ż-żejt raħas, dan reġa’ għola, u bl-argument tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-prezz joqgħod tiela’ u nieżel.
Fl-istess waqt id-dokument ta’ qabel il-Baġit tal-Partit Nazzjonalista jara l-vantaġġi tal-gass li minkejja kollox jibqa’ kontra l-qalba li issa qed iħeġġeġ il-Parlament Ewropew.
L-istess Partit Nazzjonalista li l-proposta tiegħu kienet li permezz tal-interconnector – li lanqas kien hemm il-permessi għalih – konna se naħslu l-ħwejjeġ bil-lejl.
Issa dan il-Gvern qed imexxi ’l quddiem il-qalba għall-gass, biex saħansitra jsir pipeline. Pjan li Gvern preċedenti lanqas kien għamel studji dwaru. Pero l-Oppożizzjoni tbeżża’ dwar il-gass. Fi kliem il-Prim Minsitru:
“L-ewwel cruise liner jaħdem bl-LNG se jidħol Malta s-sena ddieħla. Inkeċċu t-turisti?
Il-bidliet li ġab dan il-Gvern fis-settur tal-enerġija fissru arja iktar nadifa u kontijiet stabbli, orħos, u li se jibqgħu irħas.
Il-pjan tal-Gvern filfatt wassal biex il-kontijiet f’pajjiżna jorħsu, filwaqt li fl-Ewropa għolew. L-industrija tħeġġeġ għal kontijiet orħos għaliha, dan il-Gvern diġa ħadem biex wasslilhom traħħis li ġabhom mal-medja Ewropea, jew f’xi każi saħansitra inqas.