Fil-Marsa ġie inawgurat Ċentru għat-Terapija ta’ Integrazzjoni Sensorjali, li jagħti servizzi lil tfal li għandhom limitazzjonijiet sensorjali. Dan huwa l-ewwel ċentru tat-tip tiegħu f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-istess ċentru fl-iskola Primarja tal-Marsa, parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, intqal li l-problemi sensorjali qalb it-tfal jinkludu l-amplifikazzjoni tal-ħsejjes, li hija wkoll effett tal-ADHD u tal-awtiżmu.
F’dan iċ-ċentru se tibda tingħata terapija li tintegra tfal bi problemi sensorjali. Dan se jsir permezz ta’ għaxar occupational therapists, żewġ speech and language pathologists, u żewġ fiżjoterapisti.
Ruth Cutajar, li għandha r-responsabbità ta’ Focal Person f’dan iċ-ċentru, spjegat l-għodda inklussiva u adattata li jinkludi dan iċ-ċentru.
Qalet, “Din il-kamra hija mgħammra apposta biex tkun tista’ tingħata din it-terapija. Qabel il-bidu tat-terapija jsir assessment dettaljat li fih aħna naraw liema sensory systems qed ifixklu jew mhux iħallu lil din it-tifel jew tifla jipparteċipaw kif suppost. Imbagħad jitfassal programm individwalizzat skont il-ħtiġijiet tat-tfal.”
Ruth Cutajar irreferiet ukoll għal servizz ieħor li jingħata f’dan iċ-ċentru.
Qalet, “It-tieni programm li noffru huwa l-programm tal-SOS Feeding, li huwa marbut iktar ma’ diffikultajiet relatati mal-ikel, u f’dan il-programm it-tfal – dejjem wara assessment dettaljat – jiġu introdotti għal gradwatorja tal-ikel b’mod ta’ logħob ħalli t-tfal b’mod gradwali jaċċettaw varjetà ikbar ta’ ikel.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li s’issa, fiċ-Ċentru, ġew assessjati 177 tifel u tifla li bdew jingħataw programmi ta’ terapija.
Huwa qal ukoll li saru ’l fuq minn 10,000 sessjoni mat-tfal u mal-ġenituri. It-tfal jiġu riferuti għal dan il-program mit-tobba u mill-occupational therapists li jaħdmu ċ-Child Development Assessment Unit, is-CDAU. Huwa stmat li bejn 5 u 16 fil-mija tat-tfal għandhom diffikultajiet relatati ma’ sensory integratiom filwaqt li l-inċidenza ta’ dawn il-każi dejjem qed tiżdied.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett inklussiv. Huwa għafas fuq il-prijorità tal-Gvern li jara li tingħata edukazzjoni sħiħa, inlussiva, u ħolistika, speċjalment lit-tfal.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li dan il-proġett ta’ €2.4 miljun ġie iffinanzjat mill-fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea; Żona li tinkludi fiha lin-Norveġja, l-Iżlanda, u l-Liechtenstein.
Is-Segratarju Parlamentari Bonett qal li, f’Ġunju 2018 pajjiżna ngħata €8 miljun minn dan il-fond, żieda ta’ €3 miljun fuq il-programm ta’ qabel, biex pajjiżna wettaq dan il-proġett u ħames proġetti oħra li jittrattaw l-iżvilupp lokali u t-tnaqqis tal-faqar.