- Jitwaqqaf għall-ewwel darba Bord tad-Diretturi għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali
Din il-ġimgħa, għall-ewwel darba f’pajjiżna, iltaqa’ l-Bord tad-Diretturi għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali. Dan il-bord ta’ diretturi, li twaqqaf mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, huwa mmexxi mit-tabib Jan Chircop.
Il-bord qed iġib flimkien stakeholders differenti fis-settur tas-saħħa mentali, fosthom il-professjonijiet mediċi u l-NGOs. Il-bord ser ikun qed jinvolvi stakeholders oħra, bħal għaqdiet tal-carers u pazjenti, skont is-suġġetti diskussa. Fl-indirizz tiegħu fl-ewwel laqgħa ta’ dan il-Bord, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-bord se jkun qed jaħdem biex jara li s-saħħa mentali f’pajjiżna tingħata spinta ’l quddiem.
“Dan il-bord se jkun qiegħed jagħti pariri lili bħala ministru għall-viżjoni ġdida fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa mentali offruti mill-Gvern, kemm dawk mogħtija mill-isptarijiet kif ukoll dawk fil-komunità”, qal il-Ministru Fearne.
Fost waħda mill-ewwel prijoritajiet ta’ dan il-Bord se tkun dik li titfassal strateġija ħolistika għas-servizzi tas-saħħa mentali, kif ukoll li jissorvelja l-governanza ta’ dawn is-servizzi.