Il-faċċata Neo Gotika tas-sala Robert Sammut fil-Floriana ngħatat permess mill-Kummissjoni tal-Ippjanar biex isirilha restawr.
Ir-restawr se jkun jinkludi tindif tal-ġebla, tneħħija ta’ żebgħa, tibdil ta’ ġebel immermer u anke attenzjoni għal dettalji fil-ġebla, kif ukoll se jsiru żewġ gargoyles li huma nieqsa. Dawn kienu mal-ġenb tal-binja.
Din il-binja fuq disinn tal-arkitett Thomas Mullet Ellis tlestiet fl-1883 u serviet bħala Knisja Protestanta. Meta ġiet inawgurata, fit-18 ta’ Marzu tal-1883, kienet l-ewwel knisja f’Malta bis-sistema tal-elettriku. Interessanti l-fatt li taħt il-knisja, hemm sala ohra li kienet takkomoda n-nies tas-servizzi Ingliżi waqt it-tieni gwerra dinjija.
Fl-1975, il-Gvern Malti ħadha f’idejh u semmieha għall-kompożitur tal-innu nazzjonali Malti Robert Sammut li kien mill-Floriana. Din is-sala tintuża għal attivitajiet kulturali.
Ir-restawr huwa appoġġjat mis-Superintendenza tal-Wirt Kulturali.