L-investiment ta’ €50 miljun fil-proġett rivoluzzjonarju tax-shore-to-ship li qed isir minn Infrastructure Malta fil-Port il-Kbir se jibda jiġi ttestjat fuq l-ewwel bastimenti li jidħlu f’pajjiżna fiż-żmien li ġej.
Il-proġett se jkun qed jipprovdi l-elettriku lill-bastimenti l-kbar waqt li jkunu sorġuti fil-port ewlieni tagħna u b’hekk jitnaqqas drastikament it-tniġġis tad-dijossidju tal-karbonju fl-arja fiż-żona.
Permezz tax-shore-to-ship dawn mhux se jibqgħu iżjed bil-magni mixgħulin waqt li jkunu weqfin fil-Port u minflok iridu jaqilbu fuq l-elettriku mix-xatt għall-ġenerazzjoni tal-elettriku biex ikomplu joperaw abbord.
Stephen Xuereb, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, aċċenna dwar l-importanza ta’ dan l-investiment li qed isir fil-Port il-Kbir.
“Biex nissupplixxu l-vapuri biex ikunu jistgħu jaqbdu mal-grid. Fil-ġimgħat li ġejjin għandna xi vapuri, li se jkunu qed jipprovaw is-sistema, u jekk Alla jrid mis-sena d-dieħla, se nkunu nistgħu nibdew inħaddmuha, biex ikun hawn nuqqas ta’ tniġġis fl-arja.”
Permezz tal-proġett, it-tniġġis mid-dijossidu tal-karbonju se jitnaqqas bl-istess valur ta’ 1,900 karozza inqas fiċ-ċirkolazzjoni jew it-tħawwil ta’ 130,000 siġra aktar.
Bl-istess mod, aktar kmieni din is-sena bdew ix-xogħlijiet fuq proġett ieħor simili fil-Port Ħieles b’investiment ta’ €12-il miljun, li se jara lil dan il-port kummerċjali importanti għal pajjiżna jibqa’ jaħdem bl-aħjar mod possibbli, f’ambjent aktar san u b’inqas inkonvenjenti għar-residenti tan-Nofsinhar, partikolarment dawk ta’ Birżebbuġa.