Fil-port ta’ Chornomorsk, fl-Ukrajna, hemm l-ewwel bastiment mgħobbi b’kunsenji tal-qamħ, lest biex joħroġ għall-esportazzjoni.
Dan seħħ wara li l-ġimgħa li għaddiet ġie ffirmat ftehim biex ir-Russja terġa’ tagħti aċċess għall-esportazzjoni tal-qamħ mill-Ukrajna, mill-Baħar l-Iswed.
Dan il-ftehim ġie ffirmat bejn l-Ukrajna u r-Russja fil-preżenza tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, u s-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres.
Fiż-żjara li għamel f’dan il-port, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li dan il-vapur huwa lest għall-esportazzjoni u qed jistenna l-permess biex ibaħħar.
Il-port ta’ Chornomorsk huwa wieħed mit-tliet portijiet li jinsabu fil-Baħar l-Iswed li qed jistennew l-permess biex minnhom jiġi esportat il-qamħ.
Uffiċjali qed jistmaw li hemm 17-il bastiment tal-merkanżija li huma mgħobbija b’600,000 tunnellata ta’ merkanzija.
Ir-rotot li minnhom iridu jgħaddu l-bastimenti għad iridu jiġu finalizzati.