Aktar kmieni dan ix-xahar, Spazju Kreattiv imtela b’mużiċisti u nies midħla tal-mużika Jazz, li pparteċipaw fl-ewwel numru ta’ avvenimenti marbutin mal-istess ġeneru taħt il-programm ‘Jazz Assemblea’.
L-inizjattiva ġdida ta’ Jazz Assemblea mill-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva, NAPA, inħolqot biex tlaqqa’ l-komunità lokali tal-Jazz kif ukoll biex tonora l-bidu ta’ din ix-xena mużikali f’pajjiżna.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv 2024-2025, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern lokali.
Fuq tlett iljieli, il-viżitaturi setgħu jsegwu l-avvenimenti fil-kumpanija ta’ mużiċisti u kantanti bħal Paul Giordimaina, Nadine Axisa, George Curmi “l-Pusé”, Mariele Zammit u Kris Spiteri, fost l-oħrajn.
NAPA rringrazzjat lil Thomas Camilleri, li ospita dawn is-serati u stieden lill-udjenza f’sessjoni speċjali għall-għeluq tal-programm. Waqt li d-dħul sar b’donazzjoni b’risq il-Malta Community Chest Fund, inġabret is-somma ta’ €227.