Madwar 250 kumpaniji żgħar u medji ltaqgħu fil-Valletta Waterfront u attendew għall-ewwel attività organizzata mill-kumpanija FACEBOOK f’pajjiżna.
L-attività Boost your Business (BYB) għandha l-għan li toffri l-informazzjoni neċċessarja lil dawn il-kumpaniji kif għandhom jużaw il-facebook, li jużawh aktar minn 1.9 biljun persuna u l-pjattaforma Instagram, li jużawha aktar minn 600 miljun persuna, biex jippromwovu l-kumpaniji tagħhom. F’din is-sessjoni, l-intraprendituri qed jitgħallmu aktar dwar l-għodda tar-riklamar li joffru dawn il-pjattaformi.
Il-Ministru Chris Cardona qal li l-midja soċjali bidlet il-mod ta’ kif il-Maltin jikkomunikaw fuq mhedda qasira ta’ żmien. Filfatt, pajjiżna huwa wieħed mill-aktar pajjiżi Ewropej li juża l-midja soċjali biex ixerred l-informazzjoni.
“L-SMEs Maltin, maż-żmien urew li huma reżiljenti u wasal iż-żmien li jagħmlu użu mill-midja soċjali fl-istrateġiji ta’ reklamar tagħhom. Facebook u Instagram huma għoddod li mhux biss jistgħu jiddefinixxu negozju iżda jħallu impatt ukoll fuq ir-reputazzjoni tal-kumpaniji,” spjega Cardona.
F’din l-attività ġie ukoll spjegat li hemm aktar minn 65 miljun kumpanija madwar id-dinja li jużaw dawn il-pjattaformi għaliex huma bla ħlas, faċli biex tużahom u jaħdmu tajjeb fuq il-mobiles. Il-parteċipanti ngħataw ukoll l-opportunità li jingħataw għajnuna speċifika għal kumpanija tagħhom.
L-attività kienet organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ Maltija u l-Ministeru għall-Ekonomija.