Fit-tmienja t’Ottubru li ġej, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt, se ssir l-ewwel attività kulturali għal skop ta’ riċerka li se ssegwi protokoll speċifiku ta’ restrizzjonijiet minimi kif iggwidati mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Dan qed isir bħala parti minn programm pilota li għandu jiddetermina t-triq ’il quddiem għal attivitajiet artistiċi, kulturali u ta’ divertiment mibnija fuq riċerka u analiżi ta’ informazzjoni li se tinġabar tul dan il-proċess.
Tul l-attività mhux se jkun hemm restrizzjonijiet marbuta mad-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra mhux se jkun mandatorju.
Kull persuna li tattendi l-attività trid tagħmel PCR test sa sebat ijiem wara l-attività.
Ir-reġistrazzjoni se tkun eliġibbli biss għal persuni mlaqqma li għandhom iktar minn tmintax-il sena.
Persuni b’sintomi ta’ mard sa tlett ijiem qabel l-attività jew li kienu barra minn Malta ġimagħtejn qabel, ma jistgħux jattendu.
Persuni vulnerabbli mhumiex imħeġġa jattendu għal din l-attività pilota.
Din l-attività qed tiġi organizzata għal tliet mitt persuna u qed issir b’kollaborazzjoni bejn Festivals Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tad-Divertiment u l-Arti, bis-sehem ta’ diversi artisti.
Id-dettalji kollha, fosthom it-termini u l-kundizzjonijiet, u l-proċess ta’ reġistrazzjoni għal din l-attività, jinsabu fuq is-sit www.festivals.mt/restart.