Riżultati ferm pożittivi għall-qasam turistiku, hekk kif kollox jindika li l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena se jitniżżlu bħala rekord fl-istorja ta’ pajjiżna.
Żvela dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, li ma’ One News saħaq kif is-sajf li ġej ikun b’saħħtu daqs l-2019, jekk mhux aktar.
“L-ewwel 3 xhur tas-sena kienu pożittivi ħafna u qed nistennew li, meta l-NSO jippubblika n-numri ta’ Marzu, inkunu qed naraw li jkunu l-aqwa 3 xhur fl-istorja tat-turiżmu f’pajjiżna. L-indikazzjonijiet illi għandna għax-xhur li ġejjin, għas-Sajf minn Mejju ’l hemm, huma pożittivi ħafna. Dan nafuh meta nitkellmu mal-airlines li jtiru lejn pajjiżna, mal-lukandi, u anke mal-industrija inġenerali. Hemm bookings qawwijin deħlin kif ukoll hemm bookings qawwijin fir-ristoranti, li hemm gruppi internazzjonali li ġejjin lejn pajjiżna.”
Dan is-sentiment ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet imnedija l-kompetizzjoni sportiva The Grid.
The Grid huwa avveniment annwali li beda fl-2016 u dakinhar attira tliet mitt parteċipant. Illum il-ġurnata, isiru ħames attivitajiet kull sena li jattiraw ħamest elef persuna, b’ħafna minnhom barranin li jżuru pajjiżna apposta.
L-attività li jmiss hija dik ta’ ‘The Grid Classic’ u li se ssir fl-20 ta’ Mejju li ġej. Wara jkun hemm kompetizzjonijiet f’Lulju, f’Settembru, u anke f’Ottubru.
Carlo Micallef, li ħabbar kif l-MTA se tikkollabora ma’ ‘The Grid’ għall-ħames snin li ġejjin, għamel aċċenn għall-importanza li l-Gvern jibqa’ jsaħħaħ in-niċċa turistika sportiva.
“Pajjiż bħal Malta, biex nibqgħu niksbu r-riżultati pożittivi li qed niksbu u nkunu innovattivi u inventivi sabiex niġġeneraw ideat u avvenimenti bħal The Grid, li qed iġibu turiżmu lejn pajjiżna.”
Preżenti, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega kif in-niċċa turistika sportiva, fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena diġà ġabet madwar 16,700 lejl fil-lukandi.
Ritratt: heretotravel.com